Internazzjonali

L-Istati Uniti: Sparatura qattiela waqt tournament tal-video-games

Raġel li kien qed jipparteċipa f’tournament tal-video-games f’Jacksonville, fl-Istat ta’ Florida, qabad jispara pistola ‘waqt dagħdigħa ta’ rabja’ u fejn spiċċa joqtol żewġ persuni.

L-aggressur, imbagħad, ikkommetta suwiċidju fuq il-post, bil-pulizija mhix qed tfittex għal xi suspettati oħra f’dan il-każ.

Il-qattiel kien identifikat bħala David Katz, ta’ 24 sena, li kien residenti ta’ Baltimore. Intant, l-awtoritajiet ikkonfermaw, aktar tard, li l-isparatura ħalliet tal-anqas tmienja midruba.

It-tournament kien qed ikun organizzat f’ kumpless kbir tad-divertiment u l-pulizija li qed jinvestigaw il-każ qalu li Katz ‘kien qed iġorr arma waħda’.

Intant, il-pulizija ma kkonfermatx mija fil-mija, li l-aggressur kellu reazzjoni vjolenti għaliex ma setax jaċċetta t-telfa f’dan il-gaming tournament.

In-nies li kienu preżenti fil-kumpless waqt l-isparatura rakkuntaw ix-xeni ta’ paniku waqt li huma ġrew lejn kull naħa biex isibu l-kenn.

Il-pulizija, wara, fittxew iz-zona għall-possibbiltà li l-armat kellu l-kompliċi u sakemm ikkonfermaw li David Katz ‘aġixxa waħdu’ fiċ-ċirkustanzi.

Il-midruba twasslu b’urġenza lejn l-isptar ftit wara l-isparatura, bl-organizzaturi tat-tournament jesprimu niket u dispjaċir għall-iżviluppi traġiċi, filwaqt li kkundannaw bil-qawwi ‘din il-vjolenza bla sens’.