Futbol Sport

Nicolas Chiesa jispiċċa minn kowċ ta’ Floriana

Floriana mistennija jaħtru kowċ ġdid fil-jiem li ġejjin

Il-klabb tal-Premier Floriana ħabbar li temm ir-relazzjoni tiegħu mal-kowċ Nicolas Chiesa wara li t-tnejn qablu li b’effett immedjat l-Arġentin ma jibqax fit-tmexxija teknika ta’ Floriana.

Fi stqarrija, Floriana rringrazzjaw lil Chiesa tal-kontribut tiegħu li ta bħala plejer u kowċ kif ukoll għall-impenn u d-dedikazzjoni tiegħu li wera fiż-żewġ irwoli. Huma ddeskrivew lil Chiesa bħala leali u professjonali.

Bħala plejer, Chiesa rebaħ l-FA Trophy bħala captain filwaqt li bħala kowċ wassal lit-tim biex rebaħ is-Super Cup b’rebħa fuq Hibernians. L-istaġun li għadda Floriana spiċċaw fil-ħames post fil-kampjonat u naqsu li jidħlu fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Floriana kellhom bidu negattiv għal dan il-kampjonat b’żewġ telfiet kontra Ħamrun Spartans 2-0 u kontra Sliema Wanderers 1-0. Floriana mistennija jħabbru l-kowċ il-ġdid fil-jiem li ġejjin.