Fil-kumpless tal-Millenium Chapel f’Paceville, il-komunità Agostinjana inawgurat żewġ ġonna għall-meditazzjoni. L-idea wara dawn il-ġonna ddur madwar ġnien bibliku, bl-użu ta’ pjanti indiġeni għall-gżejjer Maltin.
Fuq desinn tal-Perit Richard England, il-ġonna bl-isem ta’ ‘The Word’ huma spazju ta’ talb u meditazzjoni bl-użu ta’ tas-sensi, bħal dwal ikkulurit u ħsejjes tal-għasafar.
L-iskop wara dawn il-ġonna hu ta’ spazju seren u oażi għall-kontemplazzjoni u ħsieb, fil-għoli u ‘l bogħod mill-ħsejjes u l-ħajja kaotika ta’ Paceville fil-viċin. F’dawn l-ispazji miftuħa, wieħed mal-ewwel jinnota ż-żewġ opri tal-arti – Is-Siġra tal-Għerf u s-Siġra tal-Ħajja, frott l-immaġinazzjoni u l-kreattivita tal-Perit Duncan Polidano u l-iskultur Noel Attard.
L-inawgurazzjoni tal-ġonna bdiet b’quddiesa fil-Millenium Chapel ikkonċelebrata, fost l-oħrajn, mill-Provinċjal Fr Leslie Gatt u l-moħħ wara l-ġonna għall-meditazzjoni Fr Hilary Tagliaferro. Preżenti għall-quddiesa kien hemm numru ta’ mistiedna distinti fosthom il-President ta’ Malta Marie Coleiro Preca, u s-Sindku ta’ San Ġiljan Guido Dalli.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>