Lokali

Sidien ta’ residenza jibżgħu li se jinsterqu għat-tieni darba fi ftit jiem

Sidien ta’ residenza li għadha f’fażi ta’ kostruzzjoni fi Triq Sant’Antnin, il-Ħamrun, qed jibżgħu li fil-jiem li ġejjin se jerġgħu jinsterqu għat-tieni darba fi ftit jiem.

Dan hekk kif is-sidien, nhar il-Ħamis 16 ta’ dan ix-xahar, skoprew li raġel ta’ nazzjonalità Afrikana daħal fir-residenza tagħhom u seraq l-għodda li kienu qed jużaw biex jaħdmu f’din ir-residenza.

Kienu ġirien li raw lir-raġel jisraq, iżda laħaq ħarab mill-post sakemm is-sidien u l-Pulizija laħqu waslu fil-post. Dan wassal biex is-sidien jibdew appell fuq il-midja soċjali biex isir rapport lill-Pulizija jekk xi ħadd jara raġel ibiegħ xi għodda fuq l-idejn.

Iżda filwaqt li l-ħalliel għadu ma nqabadx, iktar kmieni llum l-istess sidien waslilhom rapport li raġel akkumpanjat minn ieħor deher josserva r-residenza tagħhom. Il-biża’ tagħhom hi li, minkejja li poġġew katnazz mal-bieb ta’ barra tar-residenza, il-ħalliel se jerġa’ jattakka r-residenza tagħhom biex ikompli jġorr dak kollu li jsib.