Studju ġdid fiċ-Ċina qed jgħid li sitwazzjonijiet fejn persuna tispiċċa esposta ‘b’mod kroniku’ għat-tniġġis tal-ajru kapaċi jtellfulha l-kapaċità għall-attenzjoni u biex hi tipproċessa l-ħsibijiet u għarfien taċ-ċirkostanzi.
Ir-riċerkaturi jemmnu li l-impatt negattiv tat-tniġġis tal-ajru fuq il-bniedem jiżdied mal-età u fejn jaffettwa l-agħar ‘lill-irġiel bl-anqas livell ta’ edukazzjoni’. L-istudju inkwistjoni kien jinvolvi l-moniteraġġ ta’ xi 20,000 persuna fiċ-Ċina li kienu analizzati għall-kapaċità fil-matematika u l-mod kif jesprimu ruħhom.
Intant, ir-riċerkaturi jemmnu li r-riżultati għandhom relevanza globali, b’aktar minn 80 fil-mija tal-popolazzjoni urbana tad-dinja ‘qed ikunu suġġetti għal livelli perikolużi ta’ tniġġis tal-ajru man-nifs’.
L-istudju ma rnexxilux iwassal provi ‘tal-kawża u l-effett’ tat-tniġġis tal-ajru li hu ‘qattiel inviżibbli’. Dan meta t-tniġġis tal-ajru , skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, jikkaġuna, kull sena, mas-seba’ miljun mewta ‘qabel iż-żmien’ madwar id-dinja.
//= $special ?>

