Il-Ministru għall-Ambjent Franċiż, Nicolas Hulot, irriżenja waqt xandira diretta fuq ir-radju, bil-konferma tissorprendi anki lill-President ta’ Franza, Emmanuel Macron.
Hulot, li hu eks-preżentatur tat-televiżjoni u attivist mal-Ħodor, qal li ddeċieda biex iwarrab wara sensiela ta’ ‘diżappunti’ fit-tentattivi biex jindirizzaw it-taqlib fil-klima u theddid ieħor relatat mal-ambjent.
Hu qal ukoll li ‘ħassu qed jiġġieled din il-ġlieda waħdu’ minn fost il-membri kollha tal-Gvern Franċiż. Intant, Hulot insista li d-deċiżjoni biex iwarrab minn Ministru – minbarra li kienet waħda spontanja — kienet anki l-aktar waħda diffiċli li kellu jagħmel f’ħajtu.
Fl-istess ħin, Hulot spjega li ma kienx informa minn qabel lill-President Macron jew lill-Prim Ministru Franċiż, Edouard Philippe ‘għaliex dawn kienu jagħmlu minn kollox biex jipperswaduh mod ieħor’.
Nicolas Hulot hu personalità popolari fi Franza u l-korrispondenti jaqblu li t-tluq tiegħu mill-Gvern għandu jitqies bħala daqqa ta’ ħarta serja għall-President Macron li, bħalissa, sejjer ħażin fl-istħarriġ tal-popolarità.
Intant, ir-riżenja ta’ Hulot seħħet l-għada li l-Gvern Franċiż ħabbar li kien qed inaqqas ir-restrizzjonijiet għall-kaċċa, bl-eks Ministru jtenni li ‘id-direttiva partikulari, fuq kollox, għamlitu konxju mis-saħħa tal-lobbying’.
//= $special ?>

