Lokali

“Għamilt ħafna żbalji u batejt… imma issa għażilt li ngħix”

Rapport ta' Joe Mikallef fil-ġurnal In-Nazzjon

“Wara li tlift lil missieri ta’ età żgħira, u wara li ħija emigra, jiena spiċċajt biex għamiltha ma’ għadd ta’ persuni li daħħluni ġol-ħajt u t-teħid tad-droga għalija kien l-ordni tal-ġurnata.

“Id-droga kissritli ħajti, wasslitni biex inbati ħafna u saħansitra dewqitni l-ħabs. Id-droga lili umiljatni sal-punt li spiċċajt tlift ix-xogħol li kelli u biex infendi kelli nirrikorri għas-serq. Sa spiċċajt bla saqaf fuq rasi u min jaf kemm-il darba rqadt f’bini li għadu tiela’.

“Il-Bambin ħabbni li ma qatlitnix. Għalkemm qatt ma ddaħħalt l-isptar b’xi overdose, madankollu nista’ ngħid li mhux l-ewwel darba li lgħabt bis-serjetà mal-ħajja. Sa darba qomt u sibt ruħi f’latrina pubblika f’għadira awrina.

“Madankollu, darba kont il-ħabs irrealizzajt li dan ma kienx ta’ unur għalija u li mid-droga u mill-ħbieb ħżiena ma kont qed nieħu assolutament xejn. Bdejt nemmen fija nnifsi u emmint li stajt niddeċiedi li nieqaf mill-vizzju, inqum fuq saqajja u nibda ngħix. U llum qiegħed hawn… inħares ’il quddiem. Ħieles mid-droga u nħares ’il quddiem li nibni familja tant li għandna tarbija li mistennija titwieled fil-ġimgħat li ġejjin.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha miegħi Edgar* li fil-jiem li għaddew, wara li temm programm ta’ riabilitazzjoni residenzjali mill-vizzju tad-droga, iggradwa mill-Caritas.

Inċidentalment, lil Edgar kont nafu sew fi tfulitna meta flimkien konna nattendu l-Mużew, u għalhekk il-laqgħa tagħna fl-Uffiċċju tal-Editur Joe Cassar u fil-preżenza ta’ Marica Mizzi, Uffiċjal responsabbli mir-relazzjonijiet pubbliċi ta’ Caritas Malta, kienet waħda sabiħa ħafna wara ħafna snin. Ġeddejna l-memorji ta’ kemm konna nilagħbu flimkien u ta’ kemm għaddejna żmien sabiħ il-Mużew.

Kelma ġġib lill-oħra u Edgar qal li hu għadda minn ħafna u sofra minn ħafna. “Però għażilt li ngħix.”
Ta’ tmien snin tilef lil missieru, fis-snin tmenin, u dan wassal biex kellu trobbija diffiċli. “Ftit tas-snin wara tlift ukoll il-komunikazzjoni minn ma’ ħija l-kbir għaliex emigra. Telfa oħra għalija.”
Kumpanija ħażina wasslitu biex jimla dak il-vojt li ħalla missieru kif ukoll ħuh. Għamel numru ta’ għażliet ħżiena.

Beda jesperimenta bis-sigaretti u anki bl-alkoħol. Ta’ tnax-il sena beda jesperimenta wkoll bl-ismoke.
Kompla jagħmilha ma’ ħbieb xejn pożittivi u dan wasslu biex kompla jaqbad it-triq il-ħażina… bl-iskuża li ried iħossu aktar raġel u kbir.

Dan kollu beda jħalli effett fuq l-iskola fejn kien jattendi. Biex jintgħoġob aktar beda jkun offrut ċerti affarijiet u hu ma kienx jgħid le għalihom. Anki fl-iskola stess ġieli pejjep is-sigaretti.
Għadda żmien twil ipejjep il-marijuana u l-LSD u anki jesperimenta bl-alkoħol, sakemm qaleb għal fuq il-kokaina u l-eroina. “Għaliex inti dejjem tfittex, u dak li tfittex se ssibu. Kien faċli ħafna li nsib id-droga li kont inkun irrid. Biżżejjed ngħidlek li kemm noħroġ barra u nagħmel dawra ma’ Birkirkara u nara d-dealer ibigħ, nieqaf nixtri u nitlaq.”

Edgar kompla li dak iż-żmien jiftakar tajjeb li hu kien jitkellem favur il-legalizzazzjoni tal-marijuana u kien jirraġuna li dak li jkun sa hemm jieqaf. Imma fil-verità, illum jagħraf sew li dakinhar kien żbaljat għalkollox għaliex il-marijuana twasslek biex tkun trid droga aktar ħarxa u qawwija.

Mistoqsi minn fejn kien iġib il-flus, Edgar qal li hu flus kien ikollu għaliex kien jaħdem sa minn età żgħira. Għalhekk il-vizzju kien isostnih mill-paga tajba li kien jaqla’. Il-flus li kien jaqla’ kien jinvestihom fl-eroina… dan il-vizzju dewmu mistoħbi fih għal aktar minn sentejn.
Mistoqsi kemm kien ikollu bżonn biex imantni l-vizzju tiegħu, qal li ġieli nefaq mat-Lm300 għal sessjoni waħda biss ta’ teħid ta’ droga… illum dak l-ammont jammonta għal €700.

Tilef ix-xogħol u daħal għal volum ta’ dejn. Bla xogħol spiċċa ddisprat u hawnhekk beda jiffaċċja r-realtà. Kellu jiżvela li kien ilu ħafna jabbuża mid-droga. Tkellem mal-familja u fetaħ qalbu magħhom. Wegħidhom ukoll li se jidħol fi programm tal-Aġenzija Sedqa li jagħtu għajnuna lil dawk li jkollhom il-problema tal-vizzju tad-droga.

Kien dam tmintax-il xahar u spiċċa dak il-programm b’suċċess, tant li kien iggradwa u rritorna fid-dinja tax-xogħol. Madankollu wara ftit reġa’ waqa’ fil-vizzju tad-droga, li beda jeħodha minn taħt.
Għal darb’oħra fid-dinja tal-vizzju tad-droga, u issa ferm u ferm agħar, tant li ġieli kellu jirrikorri għas-serq. Darba minnhom kellu bżonn il-flus għad-droga. Daħal f’ħanut partikulari u mar fuq min kien qiegħed ibigħ u talbu l-flus mingħajr ma ta kas il-cameras u xejn.

Għadda minn xi okkażjonijiet ta’ overdose. Mhux l-ewwel darba li spiċċa ntilef minn sensih… u jiftakar darba minnhom kif stenbaħ u sab ruħu f’latrina pubblika f’għadira awrina.

Għamel żmien ukoll bla saqaf u kien ifittex bini li qed jinbena u jidħol jorqod hemmhekk. Dawn kienu saru l-istejjer ta’ kuljum għalih… saħansitra darba raqad f’ġibjun f’Bormla.

Hu jirrakkonta kif għex ħajja ta’ disperazzjoni għaliex mhux biss ma kienx ikollu flus, iżda kien ikun irid jakkwista d-droga. Aktar milli biex jakkwista xi ħaġa x’jiekol u x’jixrob, moħħu kien kif se jakkwista d-droga.
Man-nies ma kienx iħossu komdu anki għaliex minnu nnifsu kien bniedem introvert u mistħi. Tant li anqas għall-mistura u l-mediċina ma kien imur għax kien jistħi jiltaqa’ man-nies, u biex imur kien irid mill-inqas jixrob xi kartuna nbid.

Fl-2013 weħel il-ħabs dwar serqa. Kienet l-ewwel darba li weħel il-ħabs. Dik is-serqa partikulari kienet solvuta għaliex hu stess mar għand il-Pulizija u stqarr dak li kien għamel.
Weħel sitt snin ħabs u anqas biss irrealizza dak li kien ġara. Fil-ħabs stess baqa’ jfittex id-droga u baqa’ jsibha b’mod regolari. Kien faċli li jsib id-droga. Il-problema kienet sa ċertu punt kif kien se jġib il-flus. Iżda dawn kienu jiġu wkoll.

Il-ħabs kien post żgħir għal 700 persuna u ftit ftit beda jirrealizza li hu kien kriminal bħalhom. U għalih dan kien xokk kbir li ġiegħlu jibda jqum fuq saqajh.

Beda jirrealizza li mid-droga ma kien qed jieħu xejn. Beda jirrealizza li minkejja li kien jaħseb li hu xi bully u li kien xi ateu, imma fil-verità minn dan kollu ma kien qed jieħu xejn u kien wasal il-mument li jibda jagħmel il-kontijiet miegħu nnifsu u jipprova jqum fuq saqajh billi jitlob l-għajnuna b’mod ġenwin u serju.

Dwar il-perjodu ta’ meta kien jieħu d-droga fil-ħabs jiftakar tajjeb kif minn ċrieki ta’ persuni li kienu jfornuh bid-droga, kien jispiċċa jinkixef mat-Tmexxija tal-ħabs biex hekk dawn ikunu aġevolati. U dik is-sitwazzjoni lilu kissritu.

Jum minnhom ħa d-deċiżjoni finali li jieqaf. Talab biex tinbidillu d-Division fejn kien qed jinżamm u ddeċieda li jieqaf mid-droga. Waqaf mid-droga waħdu iżda kellu l-għajnuna diretta ta’ persuna partikulari. Beda jagħmel il-bżonnijiet tiegħu kollha hu… ħasil ta’ ħwejjeġ… kollox.
Dan il-perjodu dam għaxar xhur sħaħ. Marru jkellmuh persuni li jagħmlu outreach il-ħabs mill-Caritas u stednuh jattendi l-programm. Iżda għall-ewwel huwa irrifjuta.

Eventwalment kien imħeġġeġ li jitlaq mill-ħabs u jidħol għal programm f’dar imsejħa Prison Inmates Programme immexxija mill-Caritas. Dan kien fl-2016. Sa ċertu punt dan kien xokk għalih u dam biex ambjenta ruħu mal-ambjent il-ġdid tad-dar tar-riabilitazzjoni mid-droga mmexxija mill-Caritas.
Hemmhekk tgħallem ħafna mill-programm. Beda jitgħallem jobdi u beda jitgħallem mill-iżbalji ta’ ħaddieħor.

Kien perjodu fejn kien meħtieġ għalih li jikber u jissaħħaħ. “Tajt tgħanniqa lili nnifsi meta kelli bżonn li nagħmel hekk. Imma kont nagħti ċanfira lili nnifsi wkoll kemm-il darba jkolli bżonn li nċanfar lili nnifsi.

“Waqqaft is-sigaretti wara ħafna snin biex hekk it-tipjip ma jibqax mezz ta’ tentazzjoni biex nerġa’ naqa’ fil-vizzju.

“Il-programm terapewtiku tar-riabilitazzjoni residenzjali fil-Caritas dam għaxar xhur. Għamilt xahrejn volontarjat fil-Knisja tal-Franġiskani f’Baħar iċ-Ċagħaq,” jistqarr Edgar.
Fil-programm tal-Caritas beda jagħmel il-kontijiet miegħu nnifsu sal-punt li waħdu beda jrodd mill-ġdid is-Sinjal tas-Salib.

Lura għad-dinja tax-xogħol, issa ilu sena jaħdem. Jikkonsidraha grazzja minn Alla li kien offrut dan l-impjieg u llum hu kuntent ħafna u jagħmel sforz qawwi biex jagħti l-mija fil-mija tiegħu.
Beda jsib għajnuna kbira minn ħafna madwaru fis-soċjetà u dak li kien jaħseb li kien diffiċli ħafna beda jaqa’ f’postu waħdu.

Kien fost dawk li ggradwaw għaliex ħeles kompletament mill-vizzju tad-droga. Dik iċ-ċerimonja tatu imbuttatura kbira oħra fil-ħajja tiegħu biex ikompli jinbena u jibni lilu nnifsu.

“Illum waqaft nemmen il-gideb ta’ ċerti nies li jgħidulek affarijiet li mhumiex minnhom. Is-soċjetà xi drabi taf tippreżentalek ċerti stampi sbieħ li fil-verità tkun taf li huma ta’ ħsara.”

Illum iħares lejh innifsu b’determinazzjoni kbira li jimxi ’l quddiem u li jifforma familja. Fil-fatt qiegħed f’relazzjoni ma’ persuna u flimkien qed jistennew tarbija. Dawn huma żminijiet eċitanti ħafna u hu determinat li jkompli jinbidel għall-aħjar.

Il-messaġġ tiegħu lis-soċjetà hu li jgħid grazzi lil dawk kollha li kienu ta’ appoġġ għalih. Japprezza ħafna l-impenn ta’ ħafna nies li waqfu miegħu u għenuh b’mod konkret biex seta’ jagħmel qabża kbira fil-ħajja tiegħu biex ħeles darba għal dejjem mid-droga.

L-għeruq li kellu grazzi għal trobbija tajba rega’ ltaqa’ magħhom u għenuh qatigħ biex illum jista’ jerġa’ jibda jterraq ’il quddiem fil-ħajja tiegħu.

“Illum erġajt ninsab bniedem ferħan u kuntent… affarijiet li kont tlifthom għal ħafna snin. Grazzi kbira lill-Caritas u lill-familja għall-għajnuna kollha li tawni.”
Temm jgħidli, “Jekk taqax jew le fil-vizzju tad-droga llum hi kwistjoni biss ta’ deċiżjoni.”

• L-isem Edgar huwa fittizju biex tinżamm il-privatezza tal-persuna.