Lokali

Il-ħaddiema damu biex jitħallsu

Wara diversi lmenti minn ħaddiema li jaħdmu fuq bażi part-time u full-time mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES), l-impjegati tħalsu pagament żgħir hekk kif kienu baqgħu ma tħalsux wara ġimgħat sħaħ jaħdmu mal-istess Fondazzjoni.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Union għall-Edukaturi Professjonali (UPE), fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers, intqal li ntlaħaq ftehim biex l-impjegati kollha jirċievu pagament żgħir filwaqt li qalu li l-problema kienet minħabba sistema ineffiċenti.

L-impjegati għadhom kemm irċievew €100 minn pagament li kapaċi jlaħħaq €1000 u fuqhom. Dan wara li madwar 1,300 impjegat ħadmu iktar minn erba’ ġimgħat u ma rċievewx pagament wieħed.

Intqal li skont il-liġi, l-ewwel pagament m’għandux isir iktar tard minn erba’ ġimgħat iżda dan ma ġiex meqjus mill-FES.

Il-problema kienet kif jiġu kkalkulati u jinħarġu l-pagi hekk kif is-sistemà għadha tinħadem bl-idejn u b’hekk dan wassal għal dewmien. Graham Sansone saħaq li din is-sistema hija waħda inkompetenti u ma jistax jkun li sena wara sena l-impjegati jibqgħu jitħallsu tard.

Il-kumplament tal-pagamenti se jingħataw f’Settembru u f’Ottubru li ġejjin. Fl-aħħar, l-FES wiegħdu lil UPE li mis-sena d-dieħla se tiġi ntrodotta sistema ġdida biex l-impjegati jitħallsu fil-ħin.

Tags