Uffiċjali mal-qawwiet tal-Istati Uniti ċaħdu kategorikament l-akkużi tal-midja fil-Korea ta’ Fuq fis-sens li ‘l-Amerikani jistgħu qegħdin jippjanaw biex jinvadu pajjiżhom’.
Dan wara li l-gazzetta Rodong Sinmun ta’ Pyongyang sostniet li l-Istati Uniti ‘qed taħdem fuq strateġiji aggressivi hi u tistaħba wara taparsi proċess ta’ negozjati’.
L-akkużi minn Pyongyang ħarġu wara s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra, ħassar żjara li kellu jagħmel fil-Korea ta’ Fuq minħabba nuqqas ta’ progress fin-negozjati dwar id-diżarm nukleari min-naħa tal-Istat komunista.
Intant, uffiċjali Amerikani wieġbu għall-editorjal fir-Rodong Sinmun li tenna li l-Istati Uniti qed twettaq eżerċizzji militari ‘mill-aktar provokattivi u perikolużi’ fir-reġjun.
Dan waqt li l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Seoul ( fil-Korea t’Isfel) qalet li ma għandha l-ebda informazzjoni dwar l-allegati eżerċizzji.
Min-naħa tiegħu, il-Kurunell John Hutcheson, id-Direttur tal-Affarijiet Pubbliċi tal-Qawwiet Amerikani fil-Ġappun, ukoll qal li ‘ma jafx għal liema eżerċizzji kienu qegħdin jirreferu l-Koreani komunisti’.
Hutcheson spjega li l-ajruplani tal-Istati Uniti jtiru, bħala rutina, mill-Ġappun lejn il-Filippini u pajjiżi oħra tar-reġjun għal varjetà ta’ raġunijiet li jinvolvu taħriġ u l-funzjoni tal-iskedi regolari.
Għaldaqstant, hu qed iqis l-idea li kwalunkwe titjira (fir-reġjun) tista’ tkun relatata mal-Korea ta’ Fuq bħala ‘waħda inkredibbli’.
Sadattant, il-Kmandant Clay Doss, li jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi għas-Seventh Fleet tal-Istati Uniti insista mal-Washington Post li ‘hu kompletament falz ir-rapport dwar ostilità potenzjali (fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq) min-naħa ta’ pajjiżu’.
Madankollu, it-ton tal-editorjal tar-Rodong jista’ jindika li r-reġim fi Pyongyang qed jerġa’ jaddotta pożizzjoni ostili fil-konfront ta’ Washington anqas minn tliet xhur wara s-summit storiku, f’Singapore, bejn il-President Amerikan, Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un.
Wara dan is-summit, Trump kien wiegħed lid-dinja li ‘Kim Jong-un kien jinsab lest biex iwarrab għall-armamenti nukleari’. Iżda d-djalogu bejn l-Istati Uniti u l-Korea komunista staġna mill-ġdid wara l-ewwel ftit ġimgħat inkoraġġanti.
//= $special ?>

