Wara li deher li seta’ jkun l-introduzzjoni tal-assistenza teknoloġika lir-referees fl-edizzjoni li jmiss tal-UEFA Champions League, waslet iċ-ċaħda kategorija mill-President tal-UEFA Aleksander Ceferin. “Ma nafx minn fejn waslet din l-aħbar imma l-VAR mhux se tkun introdotta. Jien għadni mhux konvint.”
Fost dawk li ħarġu bl-aħbar li l-VAR setgħet tidħol fiċ-Champions League kien hemm il-gazzetta tal-Ingilterra The Times. Huma kienu qalu li r-referees jemmnu li t-teknoloġija tkun importanti għalihom speċjalment wara s-suċċess li l-VAR kellha fit-Tazza tad-Dinja.
Ceferin kien dejjem kawt fuq din l-introduzzjoni tat-teknoloġija li diġà qed tintuża f’diversi kampjonati madwar l-Ewropa. F’kumment li ta lill-ġurnal Sloven Ekipa, Ceferin qal li “sema’ dwar il-possibbiltà li l-VAR tidħol mill-edizzjoni li jmiss taċ-Champions League iżda ma jafx minn fejn ġejja din l-aħbar.”
Hu żied li ma tkellmux u l-UEFA mhux qed taħseb li ddaħħal din is-sistema mill-kwarti tal-finali, kif kien intqal mill-artiklu ta’ The Times. “Is-sistema għadha mhux tikkonvinċini u għad fadal aktar aspetti li għadhom iridu jiċċaraw.
Ceferin saqsa min se jiddeċiedi min jużaha jekk hux ir-referee jew l-assistent fejn żied li l-pubbliku għadu mhux qed jifhem dawn l-affarijiet. Il-President kompla li diġà tkellem ma’ Roberto Rosetti li hu responsabbli mill-introduzzjoni tal-VAR iżda ammetta li xi darba din se tintuża imma jrid ikun hemm valutazzjoni ta’ ħafna affarijiet.
“Meta jkun il-mument ikun neċessarju li tintgħażel it-teknoloġija u r-referees għaliex ma titrattax fuq kampjonat biss iżda aħna nilagħbu madwar l-Ewropa. Għalhekk hemm bżonn ta’ regolament preċiż,” temm Ceferin.
//= $special ?>