Esperti dwar id-drittijiet umani man-Nazzjonijiet Uniti qed jemmnu li l-entitajiet kollha involuti fil-konflitt tal-Jemen setgħu wettqu sensiela ta’ reati tal-gwerra.
Fl-ewwel rapport tagħhom ta’ dan it-tip, l-esperti allegaw li l-qawwiet tal-Gvern tal-Jemen; il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdita li qed tappoġġja lill-Gvern u l-moviment tar-ribelli Houthi ‘għamlu ftit li xejn sforzi biex jimminimizzaw it-telf ta’ ħajja fost iċ-ċivili f’dan il-pajjiż.’
L-esperti semmew, fost oħrajn, il-bumbardamenti fuq l-iskejjel, l-isptarijiet u s-swieq fil-Jemen fejn mietu eluf ta’ nies, inklużi tfal. Fl-istess ħin l-esperti tan-NU qed iwissu li l-assedju (fuq il-Jemen) mill-ajru u mill-baħar li qed tmexxi l-koalizzjoni jista’ jammonta wkoll għal reat tal-gwerra.
L-esperti, ix-xahar id-dieħel, għandhom jippreżentaw ir-rapport iddettaljat lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet Umani.
Il-Jemen spiċċa ‘f’wied ta’ qerda’ b’kaġun tal-konflitt li żviluppa b’rata allarmanti mill-ewwel xhur tal-2015. Dan wara li r-ribelli Houthi ħatfu l-kontroll ta’ diversi bnadi lejn il-Punent tal-Jemen, bir-riżultat li l-President Jemeni, Abdrabbuh Mansour Hadi, kien kostrett li jaħrab barra pajjiżu.
L-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab u seba’ Stati Għarab oħra, imbagħad, intervjenew biex jirristawraw il-Gvern tal-Jemen fost l-inkwiet li l-Houthi – li huma alleati tal-Iran – setgħu jieħdu l-kontroll tal-pajjiż.
Fil-konflitt tal-Jemen mietu mal-10,000 persuna ( żewġ-terzi minnhom ċivili), b’55,000 jisfaw midruba tul dan il-perjodu twil ta’ ġlied.
//= $special ?>

