Raġel ta’ 43 sena inżamm arrestat wara li għal darb’oħra irreżista l-arrest u aggredixxa lil żewġ pulizija. Alan Grech ta’ 43 sena residenti f’San Pawl il-Baħar, illum tressaq il-Qorti akkużat li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq żewġ kuntistabbli tal-pulizija wara li rreżista l-arrest.
Il-każ seħħ ilbieraħ f’bar fil-Marsa wara li l-Pulizija kienu ssejjħu sabiex jinvestigaw ir-raġel li allegatament ħoloq kommossjoni. Fil-fatt, Grech kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika, li kien qed isuq mutur mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni u li hu reċidiv.
Meta l-pulizija nnutaw li m’għandux liċenzja li jsuq mutur u ppruvaw jarrestawh, l-akkużat irreżista l-arrest u kkaġuna ġrieħi ħfief lill-pulizija sakemm eventwalment irnexxielhom jarrestawh.
Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest minħabba li omm l-akkużat mietet riċentement u kien qed isib diffikulta’ biex jaġġusta ruħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba fejn fakkret li Grech attakka u weġġa’ żewġ kuntistabbli tal-pulizija, li hu reċidiv u li diġa’ kien attakka u darab pulizija oħra fil-passat.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Camilleri filwaqt li l-Avukat Joseph Brincat deher għall-akkużat.
//= $special ?>