Lokali

Kunċert b’risq ALS Malta – proġett għat-tieni Dar Bjorn

Dar Bjorn, li nfetħet f'Novembru li għadda, imtliet f'temp ta' ftit xhur.

Is-Sibt li ġej se jittella’ kunċert bl-aqwa talent lokali fi Pjazza San Ġorġ, kunċert li se jsir b’risq l-aħħar proġett tal-ALS Malta: Dar Bjorn ġdida.

Wara li fetħet Dar Bjorn f’Novembru f’Ħal Qormi, id-dar diġa’ mimlija bi 13-il pazjent fi spazju ta’ ftit xhur. Kien għalhekk, fi kliem Bjorn Formosa stess, il-fundatur tal-ALS Malta, li nħass il-bżonn li tinfetaħ Dar oħra għal pazjenti li jbatu bl-ALS u kundizzjonijiet newrologiċi oħra.

Matul l-intervista kien evidenti is-sens ta’ urġenza li qed jaħkem lil Bjorn li jilħaq il-miri tal-għaqda hekk kif iż-żmien qiegħed jagħfas. Fil-fatt, jumejn wara l-kunċert, Bjorn Formosa se jkollu jagħmel operazzjoni maġġuri.

Il-kunċert, bl-isem ta’ “Versatile for ALS,” se jibda fis-7p.m. fi Pjazza San Ġorġ u se jieħdu sehem diversi talenti lokali fosthom Versatile Brass Band, Ivan Grech, Christabelle, Glen Vella, Amber u oħrajn.

Il-kunċert hu bla ħlas iżda l-pubbliku hu mħeġġeġ li jagħmel donazzjoni b’risq ALS Malta.