Internazzjonali

L-Awstralja: L-eks Prim Ministru Turnbull se jispiċċa mill-Parlament

L-eks Prim Ministru Awstraljan, Malcolm Turnbull, qal li se jispiċċa minn membru parlamentari nhar il-Ġimgħa. Din l-aħbar ħarġet ftit jiem wara li Turnbull kien imġiegħel iwarrab minn Prim Ministru mir-rivali tal-partit.

Turnbull – li kellu jċedi postu lill-Prim Ministru Awstraljan ġdid, Scott Morrison – qal li l-poplu tal-Awstralja ‘għandu għalfejn iħossu xukkjat’ bl-aħħar żviluppi politiċi. Intant, it-tluq eventwali ta’ Malcolm Turnbull mill-Parlament għandu jwassasl għal by-election, fost element ta’ sogru għall-maġġoranza parlamentari ta’ Morrison.

It-taqlib tal-aħħar jiem seħħ bil-għan ‘li jikkalmaw l-affarijiet’ wara t-tilwim intern li kien qed jifni lill-Gvern Awstraljan taċ-ċentru-lemin.

Sadanittant, il-Prim Ministru Morrison – mingħajr Turnbull – se jkun qed jikkmanda 75 minn fost 149 deputat fil-Kamra tar-Rappreżentanti, f’Canberra. Dan meta l-by-election għas-siġġu ta’ Turnbull x’aktarx li jsir f’Ottubru.

F’każ li l-Gvern Awstraljan jitlef is-siġġu ta’ Turnbull, Scott Morrison ikollu jiddependi fuq id-deputati indipendenti biex jgħaddi l-leġislazzjoni fil-Parlament, fejn l-Oppożizzjoni Laburista, bħalissa, għandha 69 siġġu.

Il-kostitwenza ta’ Turnbull, f’Wentworth, ilha kontrollata mill-Partit Liberali Konservattiv miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra. Iżda xi osservaturi, illum, qed jgħidu ‘li mhemm l-ebda garanzija tar-rebħa (għall-Konservattivi) fil-by-election li jmiss’

L-elezzjoni ġenerali li jmiss tal-Awstralja għandha ssir f’Mejju tas-sena d-dieħla.