Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li l-kariga ta’ Josè Mourinho bħala manager ta’ Manchester United mhix taħt theddida minkejja li rebaħ biss logħba mill-ewwel tlieta fil-Premier League.
It-telfa ta’ 3-0 kontra Tottenham it-Tnejn li għadda ħalliet lil United bl-agħar bidu mill-1992 iżda minkejja r-riżultati l-bord ta’ Manchester United għad għandu fiduċja f’Mourinho. Il-Portugiż jidher ukoll li għandu s-sapport ta’ numru ta’ partitarji li baqgħu jċapċpu lilu fi tmiem il-logħba, b’Mourinho jieqaf iċapċap quddiem Stretford End.
Mourinho kellu wkoll konferenza stampa ta’ tensjoni fejn ħareġ mill-kamra u talab li jkun rispettat. Hu kien qed iwieġeb għal kritika kontinwa indirizzata lejh. Filwaqt li l-futur immedjata jidher li hu ċar, Manchester United se jkunu taħt pressjoni kbira biex jiksbu l-punti massimi kontra Burnley f’Turf Moor il-Ħadd li ġej.
Fost il-plejers li tkellmu wara l-logħba, Luke Shaw insista li l-ispekulazzjoni li l-grupp mhux magħqud huma bla bażi iżda talab apoloġija lill-partitarji wara t-telfa kontra Tottenham.
Paul Pogba qal li kienet telfa mhux meritata u sostna li l-futbol jista’ jkun kattiv iżda jridu jqumu għall-okkażjoni. Hu żied li mhux se tkun faċli imma hu biss il-bidu tal-istaġun u saħaq li jippreferi jibda ħażin u jispiċċa tajjeb milli jibda tajjeb u jispiċċa ħażin.
Mourinho rċieva wkoll il-fiduċja mill-Manchester United Supporters’ Trust.
//= $special ?>