Uffiċjali fi Brussell qalu li l-Italja qed thedded biex ma tagħtix aċċess lill-bastimenti tal-qawwa navali tal-UE li jippruvaw jidħlu fil-portijiet tagħha bl-immigranti li jkunu ġew salvati mill-Mediterran. Dan dment li l-UE ma timplimentax sistemi li jaċċertaw li l-piż jinqasam fir-rigward tar-responsabbiltà għal dawn l-immigranti.
Id-diplomati tal-Unjoni diskutew ( fi Brussell) l-aħħar theddida mill-Italja dwar l-immigrazzjoni, meta l-Gvern populista Taljan diġà żamm lil diversi vapuri bil-mijiet tal-immigranti abbord fi stat ta’ iżolazzjoni fuq il-baħar.
L-Uffiċjali tal-UE qalu li Ruma tat lill-UE sal-aħħar tax-xahar biex tipproduċi skema ċara għar-rilokazzjoni tal-immigranti li kienu salvati mill-baħar mill-bastimenti tal-qawwa navali involuti fil-missjoni ‘Operation Sophia’.
Mingħajr din l-iskema, ‘l-Italja mhix se tippermetti aktar li l-bastimenti tal-UE jidħlu fil-portijiet tagħha.’
Intant, mhux mistenni li jsir ftehim ta’ malajr ma’ pajjiżi oħra ( tal-UE) għar-rilokazzjoni tal-immigranti fuq il-bastimenti ta’ ‘Operation Sophia’. L-Istati tal-Unjoni ma rnexxilhomx jaqblu dwar politika konkreta għall-immigrazzjoni mindu l-immigranti u r-refuġjati mil-Lvant Nofsani u l-Afrika bdew jaslu l-Ewropa bi kwantitajiet kbar.
Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni, l-inizjattiva għandha tgħaddi f’idejn l-Italja li tkun trid turi jekk hix lesta tassew biex timplimenta l-aħħar theddida.
‘Operation Sophia’ fil-preżent qed tibbaża fuq erba’bastimenti fil-Mediterran, flimkien ma’ ajruplani u ħelikopters li qed jgħassu l-ibħra għall-movimenti tat-traffikanti tal-bnedmin. Intant, il-liġi internazzjonali tirrikjedi biex il-bastimenti jgħinu lin-nies f’diffikultà fuq il-baħar, bil-vapuri ta’ ‘Operation Sophia’, fil-parti kbira, iwasslu lill-immigranti salvati lejn il-portijiet Taljani.
Il-Ministri tad-Difiża tal-UE anki se jiddiskutu l-issue tal-immigrazzjoni meta jiltaqgħu, għada u l-Ħamis, fi Vjenna, fl-Awstrija.
//= $special ?>

