Lokali

Tpattija għax qed josservaw id-direttivi fl-Isptar Monte Karmeli

Jippersistu d-direttivi fl-Isptar Monte Karmeli, wara lli numru ta’ ħaddiema li kienu daħlu jaħdmu hawn sentejn ilu spiċċaw jitqabbdu jagħmlu wkoll xogħol ta’ manutenzjoni jew ta’ kostruzzjoni minkejja li dan ma kienx stipulat fil-kunratt tagħhom.

Id-direttivi nħarġu mill-General Workers’ Union, li tirrappreżenta madwar erbgħin impjegat affettwati, u li fost l-oħrajn kienu ordnati ma jagħmlux xogħol ieħor ħlief dak imniżel fil-kuntratt tagħhom sakemm ma jitħallsux żejjed tiegħu.

Dan għaliex dawn l-impjegati li kienu qed jagħmlu xogħol ieħor apparti dak fil-kuntratt tagħhom, ma kinux qed jitħallsu għalih. Fl-aħħar xhur anke persuni li kienu mniżżla bħala cleaners saħansitra spiċċaw jagħmlu xogħol fuq is-soqfa, f’dan il-post li kif ripetutament kien rappurtat, jinsab fi stat diżastruż.

Jirriżulta li l-iskop ta’ dawn id-direttivi kien li l-ħaddiema jidbew jieħdu ħlas żejjed tax-xogħol li jagħmlu, biex b’hekk jgħollu ftit il-pagi tagħhom.

Dan għaliex oriġinarjament, jiġifieri madwar sentejn ilu, il-ħaddiema affettwati kienu ġew impjegati bħala ħaddiema tal-manutenzjoni iżda minflok tqassmu fi gradi differenti u fil-kuntratt ġew imniżżla bħala cleaners, assistant clerks u clarks. Kien intqalilhom li din kienet biss xi ħaġa temporanja.

Net News jinsab infurmat li l-gradi li kienu affettwati minn din is-sitwazzjoni fejn jagħmlu xogħol mhux skont il-kuntratt huma l-cleaners, assistent clerks u l-clerks li jaqilgħu pagi ta’ madwar €770, €850 u €950 rispettivament. Dawn il-pagi ilhom f’dan il-livell, mingħajr l-ebda żieda, għall-aħħar sentejn.

Il-General Workers’ Union iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala inaċċettabbli, filwaqt li kellhom jibdew diskussjonijiet biex dawn l-irregolaritajiet jissolvew hekk kif, fi kliem il-union, is-sitwazzjoni kienet qed toħloq diskriminazzjoni.

Iżda issa Net News hu nfurmat li malli bdew id-diskussjonijiet, minflok ingħataw allowances tax-xogħol żejjed li qed jagħmlu, it-tmexxija tal-Isptar Monte Karmeli ordnat lil dawn il-ħaddiema biex jagħmlu biss ix-xogħol kif inhu stipulat fil-kuntratt.

B’hekk dawk li huma cleaners, jagħmlu biss xogħol ta’ tindif minflok ingħataw allowance żejda u jkomplu jagħmlu dak li hemm bżonn kif inhu mixtieq u xieraq.

Din id-deċiżjoni urtat bi kbir lill-ħaddiema, li qed iqisu din l-azzjoni bħala tpattija, tant li lmentaw ukoll mal-union li qed tirrappreżentahom.

Minkejja dan ġew infurmati biex għalissa jagħtu ċans li d-diskussjonijiet ikomplu u jagħmlu biss dak ordnat lilhom mill-management tal-isptar, għaliex jekk le qed jirriskjaw li jitkeċċew.