Internazzjonali

Allert fil-Libja minħabba l-kolera

Il-Ministeru tas-Saħħa fil-Libja jinsab fuq stat ta’ allert għall-possibbiltà ta’ aktar infezzjonijiet bil-marda tal-kolera li qed tidher li nfirxet f’dan il-pajjiż.

Dan wara li feġġew diversi każi tal-marda fl-Alġerija li tinsab man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
Id-Dipartiment għall-Moniteraġġ tal-Ministeru tas-Saħħa Libjan ikkonferma, intant, li żied ‘il-livell ta’ preparazzjoni’ għal din l-eventwalità, fost miżuri bir-reqqa qalb iz-zoni mal-fruntiera.

Il-Ministeru sejjaħ biex l-isptarijiet u ċ-ċentri mediċi fil-Libja ‘jeżerċitaw kawtela fil-konfront ta’ persuni li ġejjin mill-Alġerija’.

It-twissija tesiġi wkoll biex l-awtoritajiet mediċi Libjani jeżaminaw il-kundizzjoni ta’ dawn il-persuni għal kwalunkwe sintomi potenzjali ta’ kolera.

Il-Ministru Libjan responsabbli mis-Saħħa, il-Popolazzjoni u r-Riforma tal-Isptarijiet, Mokhtar Hasbellaoui, qal li kien hemm talanqas 50 każ ikkonfermat ta’ kolera fost xi 147 suspettat u li n-nies infettati qed ikunu trattati fl-isptarijiet f’zoni lejn it-Tramuntana tal-Alġerija.