Lokali

Anzjana misruqa waqt li kienet qed titlob fil-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara

Anzjana li l-Erbgħa filgħodu kienet qed titlob fil-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara, sfat vittma ta’ serqa minn raġel ta’ nazzjonalità barranija li daħal fil-knisja u ħadilha l-basket li kien maġenbha.

Dan l-istazzjon hu nfurmat li l-mara kienet fil-knisja ftit qabel il-quddiesa u poġġiet fuq quddiem titlob sakemm tistenna l-ħin tal-quddiesa. Kien biss mumenti wara li neħħiet il-basket minn madwar għonqha u poġġietu fuq il-bank biswitha li raġel ħatfu u telaq jiġri ‘l barra.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-08.10, u Net News hu nfurmat li malli seħħ il-każ, il-mara bdiet tgħajjat tant li diversi persuni ħarbu jiġru warajh iżda kien laħaq ħarab.

Ma’ dan l-istazzjon, l-anzjana rrakkuntat ix-xokk tagħha, u tispjega l-mumenti eżatt qabel seħħ il-każ meta bdiet tisma’ passi joqorbu lejha iżda f’dak il-ħin ma tantx tat każ għaliex ħasbet li kien xi parruċċan ieħor.

Fortunatament il-mara ma sofrietx ġrieħi, għalkemm kellha xokk qawwi tant li kellha titwassal id-dar minn qassis fi tmiem il-quddies. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadom għaddejjin.