Sport Sport Ieħor

Bidu rebbieħi għal Valletta fil-UEFA Futsal Champions League

Iċ-champions lokali Valletta fetħu l-impenji tagħhom minn Grupp E tal-UEFA Futsal Champions League b’rebħa ta’ 4-2 fuq iċ-champions tal-Estonja Cosmos.

Il-Beltin fetħu l-iskor wara tliet minuti permezz tal-Georgjan Murtaz Kakabadze u rduppjaw fit-12-il minuta meta Nikashvili qassam lejn Camilo Gomez li għeleb lil Beljakov. Cosmos naqqsu d-distakk żewġ minuti u nofs qabel tmiem l-ewwel taqsima b’konklużjoni ta’ Stepan Tsernoussov wara li rċieva mix-xellug.

Iċ-champions tal-Estonja ġabu d-draw seba’ sekondi mill-ftuħ tat-tieni taqsima permezz ta’ Erik Grigorjev. Kien xutt b’saħħtu mix-xellug tal-Ispanjol Yerai Hernandez Gutierrez li poġġa lil Valletta minn fuq fit-33 minuta. Cosmos għamlu l-aħħar minuti jattakkaw bil-flying keeper biex isalvaw il-logħba, iżda kienu Valletta li għalqu l-logħba fid-39 minuta permezz tas-Serb Ninoslav Aleksic.

Valletta jilagħbu t-tieni konfront għada kontra Futsamba Naas fil-5.30pm. Ir-rebbieħ tal-grupp biss jikkwalifika għar-Rawnd Prinċipali.

Tags