Ħaddiema tal-Kamra Mortwarja tal-isptar Mater Dei bħalissa qegħdin isegwu direttivi mogħtija lilhom mill-union tagħhom. Dan wara li dawn l-istess ħaddiema ilhom ‘il fuq minn 16-il xahar jistennew li jintlaħaq ftehim bejn il-union u t-tmexxija tal-isptar dwar il-kundizzjonijiet tagħhom.
Tul l-2017 dawn il-ħaddiema segwew kors li kellu jwassalhom għal-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, iżda minkejja li l-ħaddiema temmew il-kors f’April tas-sena li għaddiet, huma għadhom jistennew li jingħatalhom dak li kienu mwegħda.
Jidher li l-ministeru qed ikaxkar saqajh biex jiltaqa mar-rappreżentanti tal-union dwar dawn il-ħaddiema. Ħaddiema tal-kamra mortwarja huma ddiżappuntati għall-mod kif qed jiġu ttrattati meta ħaddiema ta’ setturi oħra laħqu ftehim qabilhom filwaqt li huma għadhom jistennew.
Dawn il-ħaddiema jassistu għall-awtopsji, joħorġu l-katavri qabel il-funeral, jlibbsuhom u jagħmlu xogħol estensiv ta’ żamma ta’ rekords.
Il-ħaddiema bħalissa qegħdin isewgu direttivi li ma jirrispondux telefon u ma joħorġux katavri għall-qraba qabel jum il-funeral.
L-azzjonijiet mistennija jiħraxu jekk jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim bejn il-union u t-tmexxija ta’ Mater Dei.
//= $special ?>