Lokali Saħħa

Il-Blood Donation Mobile Unit rinovat

Irġiel omosesswali se jkunu jistgħu jagħtu d-demm mis-sena d-dieħla

Il-Blood Donation Mobile Unit li jdur bliet u rħula tul is-sena biex jiġbor għotjiet tad-demm għadu kemm ġie rrinovat.

Waqt il-preżentazzjoni tal-Blood Unit rinovat, il-ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li rġiel omosesswali li sa issa ma kienux eliġibbli li jagħtu d-demm, mis-sena d-dieħla se jkunu jistgħu jagħmlu dan.

Dan hekk kif se jkun qed jasal f’Malta makkinarju li jiċċekkja d-demm mogħti sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ nfezzjonijiet trasmessi permezz tal-għoti tad-demm.

Irġiel omosesswali huma mwaqqfa milli jagħtu d-demm bil-għan li jittrażżan it-tixrid tal-infezzjoni tal-HIV, liema infezzjoni huma iktar suxxettibbli għaliha.

Il-gvern ħabbar ukoll li se jkun qed jirriloka l-bank tad-demm li bħalissa jinsab ħdejn l-isptar St Luke’s għal zona eqreb lejn l-isptar Mater Dei.

Ir-riżerva tad-demm, li f’Awwissu dejjem tkun baxxa, din is-sena tinsab f’livell baxx iktar minn ta’ snin mgħoddija, u jekk ir-riżervi jibqgħu baxxi hekk, hemm possibilita’ li xi operazzjonijiet jiġu posposti sakemm ikun hemm biżżejjed demm fil-bank.

Ħaddiema tal-bank tad-demm għamlu appell lill-pubbliku biex kull min jista jmur jagħti d-demm mill-aktar fis possibbli. Iċ-ċentru fi G’Mangia huwa miftuħ mit-Tnejn sal-Ħadd bejn it-8.00am u s-6.00pm.

Donaturi għandhom jieħdu magħhom il-karta tal-identita’ jew liċnezja tas-sewqan jew passaport Malti biex ikunu jistgħu jagħtu d-demm.