Kultura Lokali

Il-kwadru ta’ Santa Rosalia jibda triqtu lejn Palermo

Għall-ewwel darba fil-belt ta’ Palermo, din is-sena, il-Fondazzjoni Federico II, li hi l-istituzzjoni kulturali tal-Palaz Rjali se ttella’ esebizzjoni ddedikata kollha lill-patruna Santa Rosalia. L-għan hu li tiżdied il-preżenza tal-aqwa pitturi li juri x-xbiha tal-protettriċi ta’ Palermo.

Il-President tal-Assemblea Reġjonali ta’ Sqallija, l- Gianfranco Micciche saqsa formalment lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca biex f’isem ir-Repubblika ta’ Malta toffri l-pittura ta’ Santa Rosalia ta’ Mattia Preti biex tiġi esebita f’din l-esebizzjoni internazzjonali.

L-Erbgħa filgħodu fil-Knisja ta’ Sarria fil-Floriana,  sar l-ippakjar ta’ din il-pittura biex tibda triqitha lejn Palermo. Preżenti kien hemm il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Dan il-kwadru ġie mpitter minn Mattia Preti fl-1677 fiż-żmien meta l-pesta laqtet lil Malta.

Ħadna l-kummenti ta’ Giuseppe Mantella, restawratur tal-kwadru ta’ Santa Rosalia fejn spjegalna l-proċess tar-restawr li sar fuq il-pittura.

Maria Grazia Cassar, President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa spjegat li r-restawr ta’ dan il-kwadru kien sponsorjat mid-District Rotary Clubs ta’ Malta kif ukoll ta’ Palermo. Il-Knisja ta’ Sarria hija l-unika waħda f’Malta li l-pitturi li jinsabu fiha huma kollha tal-pittur Mattia Preti.

L-esebizzjoni se tiġi inawgurata fl-4 ta’ Settembru fil-Palazz Rjali ġewwa Palermo.