Futbol Sport

Il-logħba tal-Copa Libertadores bejn Santos u Independiente abbandunata

It-tieni logħba tal-Copa Libertadores bejn Santos tal-Brażil u Independiente tal-Arġentina kienet abbandunata wara li l-pulizija kellhom jikkontrollaw il-partitarji Brażiljani li 12-il siegħa qabel il-bidu tal-logħba qalulhom li minflok li kienu ndaqs fl-aggregate fil-verità kienu 3-0 minn taħt.

Il-partitarji ta’ Santos fil-Pacaembu Stadium ta’ Sao Paulo bdew jitgħu l-missili fuq il-bankina ta’ Independiente u fil-pitch, bi tmien minuti għal tmiem il-logħba u bir-riżultat ta’ 0-0.

Ħafna partitarji oħrajn qabżu l-fence bil-pulizija jużaw il-forza biex iżommuhom lura. Il-pulizija imbagħad użat grenades hekk kif xi partitarji qabżu l-barriera biex jidħlu fil-pitch. Madwar 45,000 partitarju ta’ Santos xtraw il-biljetti bit-tim li jirbħu l-akbar kompetizzjoni tal-klabbs fl-Amerika ta’ Isfel wara li fi Buenos Aries il-logħba ntemmet 0-0.

Iżda 12-il siegħa qabel il-logħba bdiet, l-uffiċjali tal-Conmebol (l-organizzazzjoni li tmexxi l-kontintent) bidlet ir-riżultat għal 3-0 favur Independiente.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara li ġie żvelat li l-internazzjonali Urugwajan ta’ Santos Carlos Sanchez ma kienx serva s-sospensjoni kollha ta’ tliet snin mill-kompetizzjoni wara li kien qala’ karta ħamra fiż-żmien li kien għadu jilgħab ma’ River Plate.

Minkejja li Santos appellaw, ir-riżultat ta’ 3-0 baqa’. Bir-riżultat finali tal-logħba abbandunata ma nbidilx, Independiente kkwalifikaw għall-kwarti tal-finali tal-Copa Libertadores.