Sport Waterpolo

Illum jistgħu jkunu deċiżi l-finalisti tal-play-offs

(Ritratt: Joseph Galea)

Illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq jintlagħbu t-tieni konfronti minn possibbiltà ta’ tlieta fejn jeżisti ċ-ċans li llum ikunu magħrufa t-timijiet li se jikkontestaw il-finali tal-Kampjonat Premier u tal-Ewwel Diviżjoni.

Is-Sibt li għadda Neptunes għelbu lil Sliema 8-7 u San Ġiljan għelbu lil Sirens 14-12 filwaqt li Marsaxlokk għelbu lil Marsaskala 7-6. Jekk dawn it-tliet timijiet jirbħu allura jkunu Neptunes u San Ġiljan li jilagħbu l-finali wkoll fuq l-aqwa minn tliet logħbiet, filwaqt li Marsasxlokk jilagħbu kontra Birżebbuġa għar-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni.

Iċ-champions San Ġiljan se jkollhom lura lill-Kroat Paulo Obradovic u lill-kowċ Marko Orlovic li kienu sospiżi fl-aħħar logħba. San Ġiljan tħabtu fl-assenza tagħhom iżda rnexxielhom jieħdu dak li riedu anki jekk kellhom imorru għall-ħin barrani. San Ġiljan jibdew favoriti li jagħlqu s-semifinali

Il-konfront l-ieħor bejn Neptunes u Sliema se jkun aktar jaħraq minħabba li d-distakk bejn it-tnejn hu minimu fejn fl-aħħar logħba kellu jkun gowl ta’ Niki Lanzon fl-aħħar minuta u nofs li ddeċieda l-konfront. Sliema se jkunu qed jinżlu għal din il-logħba b’aktar determinazzjoni li jisfurzaw it-tielet logħba fejn żgur iridu jfittxu li jkollhom bidu tajjeb u mhux jiġri bħal ma ġara fl-ewwel logħba li jkollhom jiġru wara r-riżultat.

Mill-Ewwel Diviżjoni, iċ-champions Marsaxlokk jibdew favoriti li jgħaddu iżda mhux jekk jinżlu b’rilassament għal din il-logħba. Ix-Xlukkajri issa taħt it-tmexxija ta’ Joe Cremona jridu jkunu konċentrati għaliex Marsaskala minkejja li hu tim pjuttost żagħżugħ żied matul il-kors tal-istaġun u dan intwera fl-ewwel konfront.