Lokali Qorti

Mara akkużata li ħadet vantaġġ minn żewġ anzjani

It-talba għall-ħelsien mill-arrest ma ntlaqgħetx mill-Qorti f’allegat każ ta’ mara li ħadet vantaġġ minn numru ta’ anzjani.

L-akkużata, Miriam Caruana ta’ 34 sena, tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit – dan filwaqt li għandha numru ta’ każijiet oħra pendenti b’akkużi marbuta ma’ vantaġġ fuq l-anzjani.

L-ispetturi Yvonne Farrugia u Saviour Baldacchino akkużat li l-mara kellha fil-mira tagħha żewġ nisa ta’ 80 u 91 sena, u li mingħandhom ħadet madwar €100,000 billi għamlet ħbieb magħhom u jirnexxiela tikkonvinċi lill-vittmi tagħha biex jagħtuha l-credit cards u l-flus.

Il-mara ġiet akkużata b’miżappropjazzjoni u frodi, u kif ukoll b’serq ta’ ġiżirana tad-deheb. Għal dawn l-akkużi, il-mara rrispondiet li mhijiex ħatja. Għalhekk, l-avukat tagħha Franco Debono talab għall-ħelsien mill-arrest hekk kif stqarr li l-mara kkollaborat bis-sħiħ mal-Pulizija.

Madanakollu, il-Qorti qalet li l-uniku interess tagħha hu li l-bqija tax-xhieda jkunu jistgħu jixhdu b’mod seren – partikolarment hekk kif għad fadal ix-xhieda taż-żewġ allegati vittmi anzjani fil-każ.

Għan-nom tal-akkużata dehret ukoll l-avukat Yanika Vidal. F’isem il-vittmi parte civile, deher l-avukat Stephen Tonna Lowell.