Lokali

Nuqqas fil-provista tal-ħalib

Il-kumpanija lokali li tipproduċi l-ħalib u prodotti derivattivi tiegħu, Benna, bħalissa qed tesperjenza nuqqas fil-provista tal-ħalib.

Netnews.com.mt tkellem ma’ Jonathan Zammit, Sales and Marketing Manager tal-kumpanija li qalilna li d-domanda għall-ħalib frisk u prodotti magħmula mill-ħalib qegħda dejjem tikber. In-nuqqas fil-provista hija dovuta għal żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni hija ż-żieda fil-varjeta’ ta’ prodotti li qed toffri l-kumpanija fosthom prodotti lactose free u prodotti għall-konsumaturi b’kolesterol għoli. It-tieni raġuni hija ż-żieda fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna, b’konsegwenza li żdiedet id-domanda għall-ħalib u l-prodotti tiegħu.

Barra minn hekk huwa naturali li l-baqar jipproduċu inqas ħalib fix-xhur sħan tas-sajf. Benna tuża biss ħalib prodott Malta u ma tagħmilx użu minn ħalib impurtat jew prodotti alternattivi u għalhekk dan in-nuqqas ma jistax jiġi solvut b’użu ta’ ħalib minn barra.

Bħalissa Benna qegħda taħdem fuq pjan strateġiku fit-tul sabiex tkun tista tlaħħaq mad-domanda tas-suq tul is-sena kollha u b’kunsiderazzjoni għat-tkabbir fil-popolazzjoni u fid-domanda għall-prodotti tagħha.

Zammit qalilna li s-sitwazzjoni għandha tirritorna għan-normal fi ftit ġimgħat hekk kif it-temperatura tibda tiffriska ftit.