Lokali Qorti

Raġel akkużat li rrikatta tifla b’ritratti pornografiċi

Każ xokkanti nstema’ fil-Qorti, hekk kif raġel tressaq mill-Pulizija akkużat li rrikatta tifla ta’ 15-il sena biex ikollha x’taqsam sesswalment miegħu, biex ma jxerridx pubblikament ritratti tagħha għarwiena.

L-akkużat, Mazhar Mushtaq ta’ 31 sena mill-Pakistan, u li hu residenti Ħal Qormi, deher quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammi. Hu ġie akkużat li sforza tifla minorenni biex tieħu sehem f’ritratti pornografiċi, li pparteċipa f’atti sesswali ma’ tifla taħt l-età bl-użu ta’ vjolenza, forza, jew theddid, li għamel filmat pornografiku, li għamel użu ħażin mit-telekomunikazzjoni, u li pproduċa filmati pronografiċi bit-tfal.

Quddiem il-Maġistrat, l-avukati Veronique Dalli u Dean Hili għan-nom tat-tifla, irrakkuntaw kif ir-raġel iffissa fuq it-tifla wara li ltaqa’ magħha ftit tad-drabi. Żiedet li meta t-tifla rrifjutat li terġa’ tiltaqa’ miegħu – ir-raġel ħoloq tliet profili foloz fuq il-media soċjali, attaparsi hu terzi persuni jordnawlha biex terġa’ tirranġa miegħu nkella r-ritratti tagħha għarwiena jiġu ppublikati.

Fl-aħħar, it-tifla ta’ 15-il sena ġiet rikattata li jkollha x’taqsam miegħu sesswalment f’kamra ta’ lukanda, bil-patt u l-kundizzjoni li r-ritratti jiġu mħassra.

L-ispetturi Paula Ciantar u Jeffrey Scicluna li mexxew il-prosekuzzjoni għamlu talba konġunta biex jitkellmu mal-avukat tat-tifla, kif ukoll sabiex il-Qorti tappunta espert li jkun jista’ jikseb l-informazzjoni mill-profili ta’ Facebook, Instagram u Snapchat tal-akkużat.

Fil-Qorti, sar magħruf li l-akkużat kien ilu hawn Malta għal tliet xhur, hekk kif hu għandu permess ta’ residenza Taljan. Hu ġie Malta għall-għan li jkun ma’ din it-tfajla wara li qabad konversazzjoni magħha fuq Instagram.

L-avukat tal-għajnuna legali Christopher Chircop deher għall-akkużat, fejn irrisponda li mhuwiex ħati f’isem Mazhar Mushtaq, u talab għall-ħelsien mill-arrest. Minn naħa l-oħra, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bl-argument ikun li l-akkużat m’għandu l-ebda rabta ma’ Malta u li l-vittma minorenni għadha ma telgħetx tixhed u din tgħix viċin il-post tax-xogħol tiegħu.

L-ispettur Jeffrey Scicluna stqarr ukoll li l-akkużat avviċina aktar persuni bl-użu tal-profili foloz tiegħu fuq il-media soċjali, u li dawn għandhom bżonn ukoll jitilgħu jixhdu l-Qorti.

Fid-deċiżjoni tal-Maġistrat, il-ħelsien mill-arrest ma ngħatax bil-bażi tkun li għad fadal numru ta’ persuni li jridu jixhdu fil-każ. Il-Qorti ordnat divjett fuq l-isem tal-minorenni involuta fil-każ.