Draw drammatiku barra minn darhom kontra Red Bull Salzburg wassal biex iċ-champions Serbi Red Star Belgrade jaslu sal-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League għall-ewwel darba fejn ingħaqdu flimkien ma’ Benfica u PSV Eindhoven.
Red Star Belgrade li kienu rebħu t-Tazza Ewropea fl-1991, irkupraw minn żewġ gowls minn taħt fi draw ta’ 2-2 biex għaddew bil-gowls barra minn darhom.
Benfica wieġbu wara li sofrew gowl kmieni biex għelbu lit-tim Grieg PAOK 4-1 u għaddew b’aggregate ta’ 5-2 filwaqt li l-eks champions Ewropej PSV għaddew b’total ta’ 6-2 fuq iż-żewġ logħbiet kontra BATE Borisov.
Wara li l-ewwel leg intlagħbet bil-bibien magħluqa minħabba kant razzist mill-partitarji ta’ Red Star, l-attakkant Munas Dabbur poġġa lil Red Bull Salzburg fil-vantaġġ minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima. Hu rdoppja l-vantaġġ ta’ Salzburg wara l-mistrieħ minn penalty wara li Hannes Wolf kien twaqqa’ minn Vujadin Savic.
Red Star naqqsu d-distakk f’nofs it-tieni taqsima mill-attakkant El Fardou Ben Nabouhane. Minuta wara kien id-difensur Awstraljan Milos Degenek b’daqqa ta’ ras. Mat-tisfira finali l-partitarji ta’ Red Star invadew il-pitch.
Benfica kienu gowl minn taħt f’Thessaloniki wara li Aleksandar Prijovic skorja fit-13-il minuta mill-viċin minn free-kick intelliġenti. Jardel wieġeb mill-ewwel għal Benfica fl-20 minuta u sitt minui wara Benfica ngħataw penalty wara fawl ta’ Alexandros Paschalakis fuq Franco Cervi.
Eduardo Salvio skorja mill-penalty, bil-winger Pizzi jagħmilhom 3-1 qabel tmiem l-ewwel taqsima. Salvio skorja t-tieni penalty tal-logħba erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima biex għalaq il-logħba.
PSV Eindhoven kienu rebħu 3-2 fil-Belarus u meta Steven Bergwijn skorja kmieni fil-partita, il-missjoni ta’ BATE Borisov kienet kważi impossibbli. Huma żiedu l-vantaġġ b’gowls minn Luuk de Jong u Hirving Lozano.
UEFA Champions League
Play-offs
PAOK v Benfica 1-4
PSV v BATE Borisov 3-0
R. Salzburg v Red Star 2-2
//= $special ?>