Sport Waterpolo

Sliema jisforzaw decider b’gowl lejn it-tmiem

(Ritratt: Domenic Aquilina)

SLIEMA FRANK SALT…………….. 11

NEPTUNES LEO VEGAS………….. 10

(2-4), (4-2), (1-0), (4-4)

Fl-ewwel konfront kien Niki Lanzon li skorja l-gowl tar-rebħa lejn it-tmiem għal Neptunes, iżda din id-darba kien il-captain l-ieħor Mark Meli li rebbaħ lil Sliema lejn it-tmiem. Konfront li fih spikkat ir-rimonta ta’ Sliema fit-tieni sessjoni li dawru l-logħba biex minkejja li tilfu l-vantaġġ fl-aħħar sessjoni, skorjaw il-gowl tar-rebħa b’4.3 sekondi mit-tmiem.

Neptunes kellhom bidu b’saħħtu hekk kif marru 4-1 minn fuq f’perjodu li d-difiża Slimiża ftit kienet soda. Jordan Camilleri fetaħ l-iskor b’xutt mid-distanza biex Gabriel Pace rdoppja. Nicholas Bugelli naqqas id-distakk iżda Petar Muslim u gowl ieħor ta’ Jordan Camilleri kabbru d-distakk għal tliet gowls. Christian Presciutti naqqas id-distakk ftit qabel tmiem l-ewwel sessjoni.

Sliema stenbħu sew fit-tieni sessjoni u rritornaw fil-logħba bil-kbir b’gowl isbaħ mill-ieħor. Stevie Camilleri kien ikkanċella l-gowl ta’ Presciutti, biex Bugelli u għal darba oħra Presciutti għamlu l-iskor 5-5. Stevie Camilleri reġa’ skorja iżda Bugelli skorja t-tielet gowl personali biex iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu 6-6.

Sliema kienu solidi fid-difiża fit-tielet sessjoni u nnewtralizzaw tajjeb l-attakki ta’ Neptunes li ma bdewx ikunu effettivi. F’din is-sessjoni t-tim ta’ Afric mar minn fuq għall-ewwel darba b’gowl sabiħ għar-rokna ta’ Nicholas Bugelli.

Is-Slimiż dehru resqin lejn ir-rebħa meta f’nofs l-aħħar sessjoni kienu 10-7 minn fuq. Iżda gowls minn Niki Lanzon, Jordan Camilleri u penalty ta’ Stevie Camilleri ġabu d-draw hekk kif il-logħba dehret riesqa lejn draw.

Neptunes naqsu li jiskorjaw fl-aħħar attakk tagħhom biex Sliema kellhom l-aħħar ċans li jevitaw il-play-offs u hekk kif kważi kienu tilfu l-pussess, kisbu man-up li wara li dawru l-ballun kien Mark Meli li skorja l-gowl tar-rebħa minn pożizzjoni angolata mix-xellug.

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta, C. Presciutti (4), M. Demarco, M. Meli (1), K. Dowling, M. Spiteri Staines (2), D. Fenech, M. Cordina, J. Gambin, Z. Mizzi, N. Bugelli (4), Z. Sciberras

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace (1), P. Muslim (1), N. Zammit, S. Camilleri (3), J. Camilleri (4), J Abela, M. Zammit, J. Muscat, M. Azzopardi, J. Parnis

Referees: Mario Dalli, Antonio Guarracino

Marsaxlokk fil-finali tal-Ewwel Diviżjoni kontra Birżebbuġa

MARSASKALA TRANSCRIPTA……. 4

MARSAXLOKK BROWN’S………….. 6

(1-2), (1-1), (1-1), (1-2)

Iċ-champions Marsaxlokk Brown’s Pharmacy se jkunu qed jilagħbu l-finali tal-Ewwel Diviżjoni kontra Birżebbuġa Freeport wara li għelbu lil Marsaskala Transcripta 6-4 fit-tieni logħba minn possibbiltà kbira. Logħba bilanċjata b’Marsaxlokk ikunu ftit aħjar mill-avversarji, iżda mertu jmur għal Marsaskala li minkejja li ma kinux favoriti għal din il-logħba taw sfida denja.

Marsaxlokk rebħu l-ewwel sessjoni 2-1, b’Claudio Spiteri Debarro jġib id-draw lejn it-tmiem wara l-gowl inizjali ta’ Jean Claude Cutajar. Kien l-Ungeriż Norbert Hosnyanszky li skorja l-gowl tal-vantaġġ wara li qabbeż mid-distanza fuq Jurgen Micallef.

Ix-Xlukkajri żammew il-gowl vantaġġ fi tmiem it-tieni sessjoni meta Clyde Bonello għamel l-iskor 3-2 wara li Jake Bajada kien parzjalment ġab id-draw.

Marsaskala reġgħu ġabu d-draw fit-tielet sessjoni minn penalty ta’ Andrija Vlahovic iżda Marsaxlokk reġgħu kisbu l-vantaġġ b’gowl ta’ Matthew Pace li fih il-gowlkiper Micallef kellu responsabbiltà fih.

Fl-aħħar sessjoni kien il-veteran Christian Gialanze li ressaq lix-Xlukkajri viċin il-finali, sakemm backhand mill-isbaħ ta’ Jake Bajada madwar żewġ minuti mit-tmiem ħalla lil Marsaskala b’tama li jisfurzaw il-ħin barrani. Iżda reġa’ kien Gialanze li b’gowl simili bħal ta’ qablu għalaq il-logħba.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), E. Carabot, D. Borg Millo, A. Vlahovic (1), L. Grixti, K. Navarro, J. Borg, J. Bajada (2), J. Cremona, D. Cassar, R. Attard, B. Muscat

Marsaxlokk: R. Coleiro, C. Spiteri Debarro (1), L. Calleja, C. Bonello (1), C. Gialanze (2), N. Hosnyanszky (1), J. Galea, M. Rizzo, B. Buhagiar, R. Scerri, M. Pace (1), O. Zammit, K. Lanzon

Referees: Alex De Raffaele, Stefano Alfi