Sport Sport Ieħor

Sloane Stephens tgħaddi għat-tielet rawnd tal-Open tal-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

Iċ-champion renjanti Sloane Stephens kellha tirkupra set biex għelbet lis-sid numru 134 Anhelina Kalinina u għaddiet għat-tielet rawnd. L-Amerikana sid numru tlieta, rebħet 4-6, 7-5, 6-2 f’sagħtejn u 46 minuta. Hi tilgħab kontra Victoria Azarenka wara li l-eks numru wieħed tad-dinja għelbet lil Daria Gavrilova 6-1, 6-2.

Wara li tilfet l-ewwel set f’siegħa u żewġ minuti, Stephens kisret is-service tliet darbiet fit-tieni set iżda kienet milħuqa 5-5 minn Kalinina wara li kellha tirċievi trattament f’idejha.

L-Amerikana ta’ 25 sena eventwalment għalqet it-tieni set u minkejja li marret break minn taħt fit-tielet set, Stephens kienet b’saħħitha għat-tennista Ukrena li kienet qed tilgħab fi Grand Slam għall-ewwel darba.

Intant is-sid numru 16 Venus Williams għelbet lit-Taljana Camila Giorgio 6-4, 7-5 f’siegħa u 52 minuta. L-Amerikana ta’ 38 sena tista’ tispiċċa tilgħab kontra oħtha fit-tielet rawnd, b’Serena Williams tilgħab kontra Carina Witthoft illum.

L-Ukrena Elina Svitolina wkoll għaddiet b’rebħa ta’ 6-2, 6-4 fuq il-Ġermaniża Tatjana Maria. It-tennista ta’ 21 sena tilgħab kontra r-rebbieħa bejn Qiang Wang u Irina-Camelia Begu fit-tielet rawnd.

Tags