SAN ĠILJAN TUM INVEST…………. 10
SIRENS GREENTUBE………………… 11
(3-1), (3-3), (3-4), (1-3)
Is-sensiela mingħajr telfa taċ-champions San Ġiljan TUM Invest waqfet għal 54 logħba hekk kif kienu megħluba 11-10 minn Sirens Greentube, liema riżultat fisser li ż-żewġ timijiet jiltaqgħu għat-tielet logħba li hi deċiżiva, bir-rebbieħ dakinhar jgħaddi għall-finali.
Partita tipika tal-play-off biż-żewġ timijiet flimkien mal-partitarji tagħhom mimlija tensjoni hekk kif San Ġiljan riedu r-rebħa biex jikkwalifikaw filwaqt li Sirens riedu jisfurzaw it-tielet logħba. Finalment rebaħ min kien l-aktar konċentrat u determinat li jirbaħ il-logħba.
San Ġiljan sabuha diffiċli li jiddominaw il-logħba, xi ħaġa sintomatika tal-aħħar logħbiet fejn jidher li l-pressjoni ta’ mingħajr telfa kif ukoll ċertu kunfidenza żejda setgħet ħalliet l-effett. Wieħed irid jara jekk din it-telfa hux se ġġiegħel lil San Ġiljan biex joħorġu aktar determinati jew hix se tkun id-daqqa mortali għalihom.
Fl-ewwel logħba huma rebħu mingħajr il-Kroat Paulo Obradovic u l-kowċ Marko Orlovic li kienu sospiżi. Iżda bit-tim kollu għad-dispożizzjoni, Sirens qamu għall-okkażjoni u għamlu dak li ftit ħasbu li seta’ jiġri.
Sal-bidu tat-tieni sessjoni, San Ġiljan kellhom vantaġġ ta’ 4-1 li sa dak il-ħin deher komdu. Iżda Sirens baqgħu fil-logħba u bdew inaqqsu d-distakk biex sa ftit aktar minuta l-iskor kien 6-4 favur San Ġiljan.
Iżda fit-tielet sessjoni Sirens ħasdu lill-avversarji u dawru r-riżultat sa nofs is-sessjoni b’gowls minn John Napier, Nicolas Bicari u Isaiah Riolo. Dan il-mument xehed li San Ġiljan kienu jinsabu fil-problemi, iżda doppjetta ta’ Peter Borg reġgħet poġġiethom fil-vantaġġ. Brownrigg ġab id-draw iżda Obradovic ħalla lit-tim gowl minn fuq.
Madankollu dan il-gowl spiċċa biex ma fisser xejn għaliex Sirens irnexxielhom jerġgħu jiskorjaw tliet gowls konsekuttivi minn Clint Mercieca, Marc Grech u Nicolas Bicari biex ħadu vantaġġ ta’ 11-9. Il-kowċ ta’ San Ġiljan sejjaħ time-out biex jikkalma l-affarijiet iżda dan ftit kien effettiv għaliex ftit wara tkeċċa Ben Plumpton.
Dino Zammit naqqas id-distakk b’żewġ minuti u sitt sekondi għat-tmiem iżda ma rnexxielhomx isalvaw il-logħba hekk kif Sirens baqgħu jissieltu għal kull ballun biex mat-tisfira finali nfexxew f’ferħ kbir li rnexxielhom jagħtu l-ewwel telfa lil San Ġiljan iżda aktar għaliex żammew it-tamiet ħajja li jaslu sal-finali tal-play-offs.
San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (2), A. Galea, B. Grech, C. Farrugia, M. Zammit (2), B. Plumpton (1), Da. Zammit, T. Said, P. Obradovic (3), P. Fava, Di. Zammit (2), T. Micallef
Sirens: N. Grixti, P. Privitera (1), E. Aquilina, N. Bicari (5), M. Grech (1), I. Riolo (1), C. Mercieca (1), J. Sciberras, J. Napier (1), J. Ciantar, L. Caruana, J. Brownrigg (1), G. Galea Curmi
Referees: Peter Balzan, Stefano Alfi
//= $special ?>