L-MEP Francis Zammit Dimech ingħata l-fiduċja mill-Grupp tal-PPE biex jaħdem fuq Aġenda Ewropea Ġdida dwar il-Kultura. Waqt li kien qed jikkummenta wara din il-ħatra, Zammit Dimech qal “Ninsab kuntent li nkun fdat biex naħdem fuq Aġenda Ewropea Ġdida dwar il-Kultura. Dan huwa settur li jaffettwa bosta artisti Maltin u Għawdxin minħabba li l-għajxien tagħhom jiddependi wkoll mill-kultura. Iċ-ċittadini Maltin japprezzaw u jfittxu l-kultura permezz ta’ avvenimenti, festivals, kunċerti u materjal awdjoviżiv.”
Zammit Dimech, li huwa membru tal-Kumitat għall-Kultura, qal li se jkun qed jaħdem għal aktar skemi ta’ mobbiltà sabiex l-artisti Maltin jista’ jkollhom iktar opportunitajiet biex juru x-xogħol tagħhom u jiksbu esperjenza barra l-pajjiż. Huwa tenna t-talba tiegħu biex jindirizza l-ħtieġa li l-artisti jirċievu remunerazzjoni ġusta għax-xogħol tagħhom biex jiżguraw is-sostenibbiltà tas-settur u sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu aktar xogħolhom.
Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa li jippromwovi films Maltin u Ewropej u qal li se jaħdem biex dawn ikunu disponibbli fl-iskejjel. Zammit Dimech, eks Ministru tal-Kultura, żied li din se tkun opportunità biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ taħriġ u l-iskemi ta’ konsulenza għall-artisti inkluż dawk professjonisti awdjoviżivi, u biex jagħmlu disponibbli aktar metodi ta’ tagħlim għall-istudenti li jixtiequ jistudjaw aktar fil-qasam tal-kultura.
Barra minn hekk, Zammit Dimech tkellem dwar l-importanza tad-diġitizzazzjoni tal-patrimonju. “Dan huwa kruċjali mhux biss biex jissalvagwardja l-wirt tagħna iżda wkoll biex jagħmilha aktar aċċessibbli, inkluż għal studenti li qed jistudjaw f’dan il-qasam.” Zammit Dimech qal li minn laqgħat preliminari li kellu, kien evidenti li dawk li jaħdmu fis-settur riedu informazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE għas-settur kreattiv, u biex ikun aktar faċli li wieħed jaċċessah. Huwa wiegħed li se jindirizza l-kwistjoni.
“Malta għandha wirt kulturali kbir u anke talent. Importanti li mhux biss nitkellmu dwar il-potenzjal ekonomiku tagħha iżda wkoll fuq il-potenzjal tagħha li tagħtina identità u pont ma’ xulxin. Se naħdem biex il-kultura ssaħħaħ is-soċjetà tagħna”, ikkonkluda Zammit Dimech.
Zammit Dimech se jiltaqa’ ma’ dawk interessati fl-10 ta’ Settembru fl-10am f’Dar l-Ewropa, l-Belt Valletta.
//= $special ?>