Lokali

FILMAT: Tkompli l-mewġa ta’ żidiet fil-prezzijiet

Wara li fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew il-poplu Malti u Għawdex kompla jħoss l-effetti tal-għoli tal-ħajja u ż-żidiet fil-prezzijiet, issa hemm biża’ li din il-mewġa ta’ żidiet tolqot dak li hu mill-aktar bażiku u mill-aktar essenzjali.

Dan hekk kif ħarġu rapporti ġodda li kixfu l-possibiltà li fil-jiem li ġejjin jogħla l-ħalib tal-Benna – il-ħalib frisk Malti u li hu prodott mill-aktar bażiku u essenzjali fl-għixien ta’ kuljum. Dan ifisser ukoll li jekk jogħla l-ħalib, jogħlew ukoll il-prodotti l-oħra tal-ħalib magħmulin minnu.

Jidher li l-konsumaturi li qed jixtru mill-ħwienet, qed jiġu mgħarrfa mid-distributuri u mill-ħwienet tal-merċa li l-prezz tal-ħalib se jkun qed jgħola fil-jiem li ġejjin.

Sadanittant, il-kumpanija Benna mhix qed tiċħad li qed taħdem fuq pjan biex b’mod imminenti jiżdied il-prezz tal-prodotti tal-ħalib u qalet biss li l-informazzjoni hi strettament kunfidenzjali.

Iż-żieda fil-prezz tal-ħalib, jekk timmaterjalizza, tkun l-aktar żieda riċenti minn sensiela ta’ żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti oħra essenzjali għall-familji Maltin, fosthom żidiet fil-prezzijiet tal-gass, tal-petrol, tad-diesel, tal-ħobż u ikel ieħor bħall-pastizzi u żidiet oħra f’oqsma differenti.

Fil-jiem li għaddew, l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika statistika xokkanti li kkonfermat li l-ikel b’mod ġenerali – fuq perjodu ta’ sena bejn Lulju 2017 u Lulju 2018 – għola bi kważi 3%. L-istess statistika kkonfermat ukoll li l-prezzijiet żdiedu f’kull grupp – ħlief f’dak marbut mal-ħwejjeġ u ż-żraben.