Fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu, il-midja soċjali kienet mimlija messaġġi hekk kif ġriet ix-xniegħa li Ġorġ Agius, magħruf bħala Ġorġ “tal-Mużew”, kien miet matul il-lejl.
Madanakollu Net News ikkonferma ma’ qraba u ħbieb li fil-fatt Ġorġ għadu fostna u li lbieraħ kien trasferit mill-Isptar Mater Dei għar-Residenza San Vinċenz de Paule.
Hu minnu li saħħet Ġorġ dan l-aħħar kienet marret lura tant li ftit tal-jiem ilu, kien iddaħħal l-Isptar. L-aħbar li ħalliena – li fortunatament jirriżulta li mhux minnha – madanakollu qanqlet reazzjoni qawwija ta’ niket fuq il-midja soċjali, xhieda ta’ kemm dan ir-raġel twajjeb hu maħbub.
Għal dawn l-aħħar 65 sena, Ġorġ Agius kien ta’ sikwit iżur l-Isptarijiet biex jgħaddi kelma ta’ kuraġġ lill-morda u l-qraba tagħhom u jnissel tbissima b’messaġġ ta’ tama u devozzjoni li jkunu miġbura f’taqbila spirtu pront.
//= $special ?>