Jonqos biss tliet ġimgħat għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida u l-Gvern għadu ma lestiex it-tħejjijiet biex iwettaq il-wegħda, li kienu ressqu ż-żewġ partiti politiċi ewlenin fl-aħħar elezzjoni ġenerali, dik ta’ trasport għall-iskejjel kollha bla ħlas.
Din is-sistema mhux biss ġiet imwegħda kemm mill-Partit Laburista u mill-Partit Nazzjonalista imma wkoll kienet waħda li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna tkellem fuqha waqt id-diskors tal-baġit li kien ressaq fid-9 ta’ Ottubru li għadda.
Fi stqarrija s-Segretarju Ġenerali u l-kelliem għall-Edukazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li minkejja kważi sena sħiħa li fiha kien jaf li kellu jwettaq din il-wegħda, il-Gvern għadu qed jitnikker fuqha u issa l-Prim Ministru Joseph Muscat flok qal bid-dettalji kif se taħdem din is-sistema, spiċċa kellu jwiegħed li jikkompensa n-nefqiet li jidħlu għalihom il-ġenituri.
Il-ġenituri, l-amministraturi tal-iskejjel u l-operaturi tat-trasport issa ilhom jistqarru bil-miftuħ mal-midja li jinsabu fl-għama kbir mill-Gvern, li mhux biss qed jitnikker imma wkoll mhu qed jikkonsulta ma’ ħadd. Din in-nuqqas ta’ konsultazzjoni u nuqqas ta’ pjan mill-Gvern meta ftit jiema oħra tibda sena skolastika qed ifisser li l-operaturi tat-trasport tal-iskejjel ma jistgħux jippjanaw għax il-Gvern qed joffrilhom biss ħabi u taħwid minflok trasparenza.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li se jibqa’ jixpruna lill-Gvern, sabiex minnufih jinforma b’mod ċar, fil-ħin u bi pjan lil kull min hu involut fis-sistema tat-trasport għall-iskejjel u ma jibqax jitnikker, jaħbi u ma jiddjalogax.
//= $special ?>