Numru ta’ fatti żvelati fl-aħħar jiem fil-media juru li l-Gvern qed jaħrab mill-kriżi tal-Housing,li ġabha b’idejh hu stess bil-politika ta’ immigrazzjoni qawwija u bla pjan. Min-naħa l-oħra, in-nies iridu soċjetà li jimpurtaha u mhu li jibqgħu nkwetati fl-aħbarijiet li qed joħorġu.
Hekk qal il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo, li fakkar kif Aġenti tal-propjetà stess iddikjaraw fil-media li kirjiet ta’ €200 jew €300 fix-xahar m’għadhomx jeżistu fis-suq Malti tal-kera, tant li dawn il-prezzijiet saru mill-inqas €500 fix-xahar.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar fl-aħbarijiet ripetuti ta’ persuni Maltin u barranin li jorqdu barra minn dar fissa u kif nofs il-persuni alloġġjati mill-organizzazzjonijiet li jagħtu kenn lil dawk bla dar huma immigranti. Filwaqt li l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tad-Djar qed jammetti li l-Gvern m’għamilx biżżejjed f’dan il-qasam, għandek immigranti li qed ikunu sfurzati jgħixu f’razzett tal-baqar.
Il-Partit Nazzjonalista kompla li dawn l-aħbarijiet u fatti jkomplu juru li l-Gvern ħoloq kriżi fil-qasam tal-Housing. L-immigrazzjoni netta ta’ 10,000 immigrant kull sena bejn l-2014 u l-2016, kif ukoll ta’ 15,000 is-sena li għaddiet, qed twassal biex l-ekonomija tikber bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni.
Madankollu, il-Gvern mhux jippjana fit-tul għall-effett li l-immigrazzjoni qawwija qed tħalli fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin, fuq it-traffiku, fuq l-infrastruttura, fuq il-prezzijiet, fuq il-kirjiet u fuq l-ambjent, fost l-oħrajn. Il-Gvern issa ilu erba’ snin iwiegħed titjib fil-Housing, anke bil-flus li ġejjin mill-bejgħ tal-Passaporti. Iżda f’ħames snin, ma fetaħ l-ebda proġett tal-Housing Soċjali.
Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern Laburista biex jibda jindirizza l-problemi li ħoloq hu stess, bil-politika tiegħu ta’ immigrazzjoni qawwija fuq il-Maltin u l-Għawdxin li jikru. Iż-żidiet qawwija fil-kirjiet qed inaqqru b’mod sostanzjali mid-dħul tan-nies, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>