Internazzjonali

Il-Libja: Pajjiżi tal-Punent imħassba dwar l-inkwiet fi Tripli

L-Ambaxxaturi tal-Istati Uniti, Franza, ir-Renju Unit u l-Italja (għal-Libja) qed jesprimu tħassib dwar il-vjolenza li qed tiskala bejn il-qawwiet tal-Gvern Libjan u l-gruppi tal-milizzji armati fi Tripli.

Intant, l-ambaxxaturi u diplomatiċi oħrajn mill-Punent qed isiru dejjem aktar preokkupati dwar is-sensiela ta’ battalji li qegħdin jiżbruffaw fil-qalba tal-kapitali Libjani u l-periferiji tagħha.

Fl-istess ħin, stqarrija konġunta min-naħa tal-ambaxxaturi għamlitha ċara li s-sitwazzjoni fil-Libja qed issir ‘aktar destabilizzata’ u li ħafna ċivili innoċenti qed jiffaċċjaw periklu kbir.

Sadattant, l-ambaxxaturi qegħdin iwissu biex l-inkwiet fi Tripli ma jeskalax huma u jsejħu biex il-partijiet (Libjani) interessati jirristawraw il-kalma u jibdew djalogu fil-paċi.

L-ambaxxaturi tal-Punent anki kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għall-isforzi tas-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja, Ghassan Salame, li qed jagħmel li jista’ biex iwassal għal djalogu konkret bejn in-naħat rivali tal-Libja.

Fl-istess ħin, it-twissija mill-Punent hi waħda ċara u tgħid li ‘dawk l-elementi li qegħdin itellfu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Libja jridu jinżammu kontabbli għall-azzjonijiet tagħhom’.

Fl-aħħar jiem, saru diversi konfronti armati bejn il-qawwiet tal-Gvern u l-milizzji fl-inħawi lejn in-Nofsinhar ta’ Tripli. Il-ġlied, skont il-Ministeru tas-Saħħa Libjan, irriżulta f’numru mhux determinat ta’ mejtin, minbarra għexieren ta’ midruba.

Ir-raġuni wara dawn il-battalji għadha mhix magħrufa. Madankollu qed tiżdied it-tensjoni fi Tripli u l-madwar, bil-militar Libjan qed jaħseb biex jirranka l-mobilizzazzjoni tal-qawwiet tiegħu. Dan waqt li żdiedet ukoll il-preżenza tal-gruppi armati ‘li ġejjin minn Tripli u l-periferiji tal-kapitali’.

Il-Ministru għall-Intern Libjan, Abdulsalam Ashour, fil-bidu tal-ġimgħa, kien qal li ‘in-naħat rivali Libjani kienu waslu fi ftehim għal waqfien mill-ġlied fi Tripli’. Iżda issa qed jidher ċar li l-battalji fl-inħawi ma waqfux, minkejja l-aħbar dwar il-‘waqfien mill-ġlied’, u bis-sitwazzjoni fil-kapitali Libjana tibqa’ imprevedibbli.