It-tjubija tal-Pizza Naplitana se tkun tista’ titgawda għal żewġ nofs ta’ nhari fil-Pjazza tar-Rabat, fl-attività “Napule” organizzata mill-Kumitat Festi Esterni Corpus Domini San Pawl fir-Rabat.
Għal din it-tielet edizzjoni ta’ “Napule”, ġew mistiedna il-koki tal-Multicenter Istituto di Formazione – Skola tal-Ikel f’Napli li tħejji studenti għal ċertifikati professjonali rikonoxxuti madwar l-Unjoni Ewropea kollha.
Il-President tal-Istitut Antonio Del Sole spjega ma’ NET News li sa mill-età ta’ 14-il sena, l-istudenti jistgħu jsegwu kors ta’ ħames snin, filwaqt li studenti akbar jistgħu jsegwu kors ta’ ħames xhur. Fi tmiemu, ħafna mill-gradwati jispiċċaw jaħdmu f’diversi pajjiżi, kemm fl-Unjoni Ewropea u anke barra, fosthom fil-Brażil u fl-Awstralja.
Spjegawlna wkoll iċ-ċirkostanza ta’ student żagħżugħ li segwa l-kors waqt li kien qed iservi sentenza ta’ priġunerija u llum, fi tmiem is-sentenza, għandu ristorant fil-Messiku. Tkellimna wkoll ma’ Luigi Schioppo, mill-istess Istitut, li spjega l-intenzjoni tal-iskola li tagħmel ġemellaġġ ma’ istituzzjonijiet simili f’pajjiżna.
Min-naħa tagħhom, tnejn mill-għalliema tal-Istitut, Errico Porzio u Maurizio Ferrillo, flimkien ma’ għadd ta’ studenti, kisru f’kollox tliet rekords internazzjonali tal-Guiness: it-tisjir ta’ 10,170 pizza minn erbat ifran f’16-il siegħa f’Ġunju li għadda, l-itwal pizza b’tul ta’ 1,860 metru fl-2014 u l-akbar pizza margherita b’dijametru ta’ sitt metri fl-akbar forn ta’ 80 metru kwadru fl-2004.
Errico Porzio spjega li dawn il-kisbiet għalihom ifissru esperjenza sabiħa ħafna speċjalment għax għamluhom ma’ żgħażagħ li jistudjaw fl-Istitut. Min-naħa tiegħu, Maurizio Ferrillo spjega li din hi attività speċjali għall-Istitut, filwaqt li esprima t-tama li l-poplu Malti japprezza s-sehem tagħhom fl-attività.
U l-Viċi President tal-Kumitat Festi Esterni Corpus Domini, Keith Scicluna spjega l-atmosfera Naplitana li ngħatat lit-toroq madwar iz-zuntier biex min jattendi jidħol aktar fl-ambjent Naplitan.
L-attività “Napule” se tittella’ l-Ġimgħa u s-Sibt mis-6pm ‘il quddiem fuq iz-Zuntier tal-Knisja Kolleġġjata ddedikata lil San Pawl fir-Rabat.
Minbarra l-ikel Naplitan, wieħed se jkun jista’ jsegwi wkoll mużika u kant tipiku Naplitan, kif ukoll żoni bl-artiġġjanat Malti u Taljan, u żoni għat-tfal. Se jkun hemm park & ride minn Triq l-Infetti, taħt is-Saqqajja.
//= $special ?>