In-Nazzjonijiet Uniti sejħet biex ir-Russja, l-Iran u t-Turkija jżommu lura minn battalja fil-provinċja Sirjana ta’ Idlib li għandha taffettwa l-miljuni ta’ ċivili. L-inkwiet ewlieni tan-NU hu li battalja fuq livell ġenerali twassal biex in-naħat kollha jużaw il-klorin bħala arma kimika, b’konsegwenza terribbli għall-komunitajiet ċivili fiz-zona.
Ir-Rappreżentant tan-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, qal li hemm kwantità kbira ta’ militanti Iżlamiċi ‘barranin’ f’Idlib, u li fosthom hemm xi 10,000 terrorista. Hu kompla li jkun aħjar kieku l-pajjiżi mxemmija jwaqqfu r-rotot għall-movimenti umanitarji li jgħinu ħafna għall-evakwazzjoni ta’ ċivili.
Dan minflok il-pajjiżi jidħlu bl-għaġġla f’battalja ‘li tista’ tiftaħ għal kull xenarju’, bl-element kimiku ma jistax ikun eskluż.
L-aħħar rapporti qalu li l-President Sirjan Bashar al-Assad – alleat ewlieni tar-Russja – kien qed iħejji offensiva fit-tul fuq Idlib.
Intant, il-Kremlin f’Moska irrefera għal Idlib bħala ‘fortizza ta’ terroristi’ u tenna li wieħed ma jistax ma jindirizzax il-problema.
Moska qed tgħid li l-eżerċizzji navali li r-Russi qegħdin jippjanaw fil-Mediterran huma ‘ġustifikati’ minħabba s-sitwazzjoni diffiċli fis-Sirja. Ir-Russja ilha tipprovdi appoġġ militari lill-qawwiet tal-Gvern Sirjan u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal biċ-ċar li l-militanti f’Idlib għandhom jinqerdu għas-sigurtà fir-reġjun.
//= $special ?>

