Minkejja l-problema ta’ nuqqas ta’ xita li affaċċjaw il-bdiewa, partikolarment il-produtturi tal-inbid, f’dawn l-aħħar sentejn, il-produzzjoni li kellha l-Marsovin kienet aħjar minn dik tas-sena l-oħra. Dan grazzi għall-ammont kbir ta’ xita li kellna tul din is-sena minn Frar ‘l hawn wara bidu xott għall-aħħar.
Minkejja dan tibqa’ l-isfida l-kbira tar-riżors uman fil-qasam agrikolu, b’ nuqqas kbir ta’ bdiewa jaħdmu fis-suq. Dan qalu l-Kap Eżekuttiv tal-Marsovin, Jeremy Cassar, f’konferenza stampa fid-dwieli ta’ Marnisi, f’Marsaxlokk, għall-bidu tal-istaġun tal-ħsad tal-għeneb:
Cassar saħaq li l-gżejjer Maltin m’għandhomx jiddependu fuq inbejjed u prodotti agrikoli barranin iżda l-Gvern għandu jinċentiva l-bdiewa.
Dawn il-problemi jtellfu l-indipendenza tal-prodott lokali u l-fatt li s-suq isostni s-settur stess finanzjarjament.
Il-Marsovin bdiet bil-ħsad tagħha f’Lulju ġewwa d-dwieli tal-Wardija. Din hija l-ewwel vendemia li ssir fl-Ewropa u b’hekk dan il-ħsad huwa l-aktar bikri minn fost il-produtturi Ewropej.
Cassar żvela kif il-Marsovin ipproduċa l-ewwel Merlot organiku, liema għeneb se jinqata’ propju l-Ġimgħa. Id-domanda għall-inbejjed organiċi qiegħda tiżdied madwar id-dinja u jbassar li sa 5 snin oħra, il-produzzjoni ta’ għeneb organiku jirdoppja.
Bħala produtturi ma jistgħux joqgħodu lura quddiem l-iżviluppi li jsiru madwa id-dinja u għalhekk Malta teħtieġ tipproduċi nbejjed ta’ kwalità. Iċ-ċertifikazzjoni DOK u IGT, standards Ewropej ta’ kwalità, poġġew lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-inbejjed.
//= $special ?>