L-Uffiċjal ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Umani qal li Aung San Suu Kyi, rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi li qed tmexxi l-Myanmar, messha rriżenjat fid-dawl tal-kampanja militari vjolenti tas-sena l-oħra mill-militar ta’ pajjiżha kontra l-minoranza Musulmana tar-Rohingya.
Zeid Ra’ad al Hussein, li se jispiċċa dalwaqt mill-kariga, tenna li Suu Kyi messha kkunsidrat li tirritorna għal stat ta’ arrest fir-residenza tagħha aktar milli tiskuża lill-militar għal dan l-aġir faħxi.
Rapport ġdid tan-NU qed jgħid, intant, li l-militar tal-Myanmar għandu jkun investigat dwar ġenoċidju relatat għat-traġedja umana tar-Rohingya. Iżda l-awtoritajiet fil-Myanmar qegħdin jiċħdu r-rapport bħala ‘wieħed li jdoqq il-qanpiena ta’ naħa waħda biss’.
L-Armata tal-Myanmar, li kienet akkużata dwar kampanja sistematika ta’ tindif etniku, qabel, kienet iddikjarat li ‘ma wettqet xejn li jista’ jitqies bħala reat kontra l-bniedem’.
Intant, ir-rapport tan-NU qed iwaħħal f’Suu Kyi – li għal żmien twil kienet tmexxi l-moviment favur id-demokrazija fil-Myanmar – talli naqset milli twaqqaf il-vjolenza.
Zeid Ra’ad al Hussein, f’intervista mal-BBC, qal li Suu Kyi ‘kienet f’pożizzjoni li tagħmel xi ħaġa għall-ġid ta’ dik il-minoranza’ u li ‘setgħet tibqa’ kwieta jew tirriżenja’, meta ‘ma kellhiex għalfejn taġixxi bħala kelliema għall-militar waqt l-eqqel tal-kriżi’.
Bejn l-1989 u l-2010, Suu Kyi, li għandha 73 sena, kienet qattgħet xi 16-il sena miżmuma taħt arrest f’darha fuq direttiva tal-Gvern militari fil-Myanmar.
Sadanittant, il-Kumitat tan-Nobel tenna, f’nofs il-ġimgħa, li ma jistax jieħu lura l-Premju (Nobel) għall-Paċi li l-istess Suu Kyi kienet rebħet fl-1991.
Filwaqt li hu fatt li Suu Kyi ma tikkontrollax il-militar tal-Myanmar, hi ilha tiffaċċja pressjoni fuq livell internazzjonali biex tikkundanna l-allegata brutalità tal-Armata fuq il-membri tar-Rohingya, li huma miċħuda miċ-ċittadinanza (fil-Myanmar) minbarra li huma kkunsidrati bħala immigranti illegali li ġejjin mill-Bangladesh.
//= $special ?>

