Internazzjonali

L-Istati Uniti-Korea t’Isfel: L-ebda ħtieġa għal eżerċizzji tal-gwerra…almenu għalissa

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, mhu jara l-ebda raġuni għalfejn għandu jonfoq flus kbar fuq eżerċizzji tal-gwerra bis-sehem ta’ pajjiżu u l-Korea t’Isfel, li hi alleata ewlenija ta’ Washington. Madankollu, l-indikazzjonijiet huma li Trump ‘jista’ dejjem jibdel il-ħsieb’ dwar l-eżerċizzji f’każ li s-sitwazzjoni tkun tirrikjedi mod ieħor.

Għalissa, Trump anki qed ifaħħar ‘ir-relazzjoni tiegħu’ mal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, fost l-enfasi li mhumiex neċessarji l-war games potenzjali fil-limiti tal-peniżola Koreana.

Dan qed joħroġ wara li s-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Jim Mattis, kien indika, f’nofs il-ġimgħa, li l-eżerċizzji militari kapaċi jkomplu mill-ġdid, skont iċ-ċirkustanzi. Mattis kien qal ukoll li l-militar Amerikan ‘ma kellux pjani biex jissospendi aktar eżerċizzji bis-sehem tal-Korea t’Isfel’.

Intant, il-White House ta’ Washington – permezz ta’ stqarrija minn Trump – qal li l-President tal-Istati Uniti qed jemmen li l-Korea ta’ Fuq tinsab taħt pressjoni kbira miċ-Ċina. Fl-istess ħin, hemm it-twemmin li ċ-Ċina anki qed tibgħat ‘għajnuna konsiderevoli’ lir-reġim fi Pyongyang u li ‘dan mhux qed jgħin is-sitwazzjoni’.

L-istqarrija kompliet li l-President Amerikan ma jaħsibx li hemm raġuni valida biex pajjiżu jonfoq ammonti kbar ta’ flus fuq l-eżerċizzji militari konġunti mal-Korea t’Isfel. Intant, l-istqarrija kkonkludiet li ‘il-President (Trump), jekk irid, jista’ jibda mal-ewwel dawn l-eżerċizzji flimkien mal-Korea t’Isfel u l-Ġappun u fuq livell ħafna akbar min qatt qabel’.

Sadattant, kelliema għall-Gvern Ċiniż qalu li r-rimarki li jirrigwardaw ir-rwol taċ-Ċina fil-kwistjoni tal-Korea ta’ Fuq huma ‘irresponsabbli’. Il-kelliema Ċiniżi sostnew ukoll li l-Istati Uniti ‘qed iddawwar il-fatti skont ma jaqblilha’ f’din il-kwistjoni.