Wara l-qtil tal-ġurnalisti Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak, l-MEPs fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern illum iddeċidew li jallokaw fondi Ewropej speċifikament biex jappoġġjaw il-ġurnaliżmu investigattiv fl-Unjoni Ewropea.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta Metsola, li hi wkoll il-Koordinatriċi tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat, laqgħet dan il-pass u wara l-vot qalet “il-ġurnalisti huma kruċjali biex iżommu soċjetà demokratika ħajja, madanakollu jinsabu taħt pressjoni. Għandna bżonn lill-ġurnalisti biex juru d-differenza bejn dak li hu fatt u dak ivvintat – ġurnalisti b’saħħithom iwasslu għal demokrazija b’saħħitha, fejn il-valuri tal-verità u tar-responsabbiltà jippersistu. Il-finanzjament huwa partikolarment importanti għal kmamar tal-aħbarijiet żgħar li ta’ sikwit jiffaċċjaw kawżi bħal dawk tal-ISLAPP maħsuba biex iwaqqfuhom minn xogħlhom. Jien wegħdt li se naħdem biex nimbotta ‘l quddiem metodi ta’ finanzjament li jgħinu lill-ġurnalisti u dak hu li ksibna llum.”
Permezz ta’ dawn il-fondi, se jkun implimentat proġett pilota madwar l-UE wara l-qtil tal-ġurnalisti Daphne Caruana Galizia f’Malta u Ján Kuciak fis-Slovakkja.
Il-proġett għandu żewġ għanijiet ewlenin: jappoġġja b’mod finanzjarju l-ġurnaliżmu investigattiv u jappoġġja direttament il-protezzjoni tal-ġurnalisti.
Se jinħoloq fond permanenti biex jappoġġja ġurnalisti investigattivi indipendenti, bil-għan li jgħin lill-ġurnalisti jiffaċċjaw proċeduri legali, u jibqgħu finanzjarjament indipendenti.
Metsola qalet “il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi li l-ġurnaliżmu investigattiv ta’ kwalità jirrikjedi għodod u riżorsi xierqa biex jesponi mġiba ħażina madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Dan għaliex kemm il-kmamar tal-aħbarijiet kif ukoll il-ġurnalisti freelance jkunu jistgħu japplikaw għal għotja minn dan il-fond permanenti.” L-applikazzjonijiet se jiġu riveduti minn tim konġunt ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea, ġurnalisti u esperti oħra fl-istess qasam.
Barra minn hekk, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi se jiġu indirizzati bil-ħolqien ta’ mekkaniżmu fl-Ewropa, fejn permezz ta’ kollaborazzjoni diretta ma’ stakehoders Ewropej, reġjonali u lokali, il-mekkaniżmu jiprovdi appoġġ dirett, bħal għajnuna legali u protezzjoni lill-ġurnalisti taħt theddida.
Il-fondi issa jridu jiġu kkonfermati b’vot mill-MEPs kollha fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>