L-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tal-Mellieħa għandha Surmast Direttur ġdid, Michael Bonanno, li se jieħu t-treġija minn idejn is-Surmast attwali, Kenneth Fenech, fil-Kunċert Annwali tal-istess Għaqda għall-Festa. Dan se jittella’ nhar is-Sibt l-1 ta’ Settembru ġewwa Misraħ il-Parroċċa fit-8 ta’ filgħaxija.
Is-Surmast Fenech magħna żvela x’waslu jiddeċiedi li jirtira u fakkar xi memorji li għandu ta’ dawn is-17-il sena ta’ impenn fit-treġija tagħha:
“Kull bidu fih it-tmiem. Ħassejt li issa huwa l-mument propizju li nagħmel dan il-pass għax ħassejt li hemm xi ħaddieħor warajja li jista’ jmexxi lill-orkestra ’l quddiem. Kienu snin ta’ ħidma kbira. Memorji sbieħ ħafna meta sifirna barra minn Malta fil-Ġermanja fejn għamilna programmi sbieħ hemmhekk, fosthom f’ diversi knejjes. Għamilna ħafna programmi nteressanti ukoll ta’ tipi differenti fosthom akkademji u programmi leġġeri li kollha kienu ta’ sodisfazzjon għalija.”
Iben il-Mellieħa ukoll, is-Surmast il-ġdid tkellem magħna dwar xi tfisser għalih din il-kariga:
“Tfisser responsabbiltà. L-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina f’dawn l-aħħar snin żiedet il-kwalità fit-tagħlim u l-livell tal-mużika li iddoqq matul is-snin. Inħoss ċerta responsabbiltà li dan mhux talli nżommuh, iżda li nkomplu ntejjbu fuq li diġà hemm.”
Is-Surmast Bonanno spjega aktar dwar il-ħidma tal-Kor u l-Orkestra Maria Bambina matul is-sena sal-Festa Titulari ta’ Marija Bambina:
“Matul din is-sena kellna diversi attivitajiet. Bħala Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina ikollna servizzi fil-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa u bħalissa għaddejjin bil-kunċerti għall-Programm Annwali tal-1 ta’ Settembru, propju nhar is-Sibt li ġej.”
Dan il-kunċert, li ilu jittella’ mill-1992, se jkun mżewwaq b’diversi selezzjonijiet mużikali, minn stil klassiku sa dak modern. Mal-orkestra u l-kor jingħaqdu diversi kantanti u żeffiena, fosthom Claudia Faniello, Chris Grech, Myles Finch u Paul Curmi Dancers.
Wara dan il-kunċert, l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tkun impenjata bil-funzjonijiet ta’ Lejlet u nhar il-Festa fil-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa fejn tiġi esegwita l-mużika tas-Surmast Carmelo Muscat, eks-Surmast li rregala l-mużika kollha lill-għaqda wara mewtu.
//= $special ?>