Lokali

FILMATI U RITRATTI: Nar jaħkem l-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab

Nar ħakem l-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab. Jidher li n-nirien ħadu għall-ħabta tas-6.20 ta’ filgħodu, bil-Membri tal-Protezzjoni Ċivili u dawk tat-tifi tan-nar immorru minnufih fuq il-post biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Id-dħaħen tal-istess nirien qed jidhru minn bosta bnadi minn madwar Malta.

Infatti fil-ħinijiet prekarji tal-inċident id-Dipartiment tal-Protezzjoniji Ċivili avża biex kemm jista jkun jiġu evitati vetturi milli jgħaddu mill-akkwati tal-Magħtab, u kif ukoll biex jingħalqu t-twieqi tar-residenti u stabbilimenti fil-viċin, dan l-avviż iżda m’għadux fis-seħħ.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa ġew avżati bid-dħaħen kbar u suwed li ħakmu bosta lokalitajiet u għalhekk għaldaqstant persuni li għandhom problemi f’qalbhom jew fil-pulmun, bħall-ażżma qiegħdin f’riskju akbar meta esposti għal dawn id-dħaħen. Dawk kollha li jesperjenzaw xi problemi fin-nifs minħabba d-dħaħen qed jintalbu jitkellmu ma’ tabib immedjatament.

Il-Ministru ma jafx jekk kienx hemm ħruq ta’ materjal tossiku

Id-dħaħen tan-nar sa kmieni waranofsinhar kienu għadhom qed jidhru minn bosta bnadi minn madwar Malta, b’uħud mill-qarrejja tas-sit ta’ netnews jaqsmu r-ritratti tagħhom magħna tax-xena li kienet qed tidher minn djarhom jew ta’ minn fejn jinsabu.

Nies midħla tal-ħidma fl-impjant qed jgħidu li lanqas meta l-istess impjant fil-Magħtab kien jintuża bħala miżbla, jew kif sejħulha huma bħala managed landfill, dan qatt ma ħa n-nar hekk.

Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.