Lokali

Il-Gvern jibqa’ jkaxkar saqajh biex jaħtar Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika

L-oppożizzjoni għada tistenna lill-gvern jibda d-diskussjonijiet

8 xhur ilu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’kommunikazzjoni mal-Prim Ministru għamel il-proposta tal-oppożizzjoni għal din il-kariga ta’ Kummissarju għall-iStandard fil-Ħajja Pubblika. Minn dakinhar, il-gvern baqa’ ma rreaġixxiex għal din il-proposta u din il-kariga baqgħet battala.

F’kumment li ta lil Netnews.com.mt, Robert Cutajar, Whip u kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, Komunitajiet u Fondi Ewropej, qal li l-proċess tal-ħatra tal-Kummissarju tinsab f’idejn il-gvern hekk kif l-oppożizzjoni għadha ma semgħet xejn minn dakinhar li għamlet il-proposta tagħha. Hu appella lill-gvern biex jibda d-diskussjonijiet uffiċjali sabiex jinbeda l-proċess tal-ħatra tal-Kummissarju. Huwa qal li din il-kariga hija mportanti ħafna fil-proċess tat-trasparenza f’pajjiżna.

Il-Kummisarju għandu s-saħħa li jinvestiga nuqqasijiet fi dmirijiet statutorji jew etiċi ta’ Membri Parlamentari u persuni oħra f’pożizzjonijiet ta’ fiduċja.

Dan ir-rwol huwa mitlub mill-Att dwar l-istandards għall-ħajja pubblika. Il-Kummissarju għandu jinħatar b’approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-kamra u l-kariga għandħa termini ta’ ħames snin.

L-abbozz tal-liġi nnifsu dam erba’ snin minn meta ġie ppropost mil-Partit Nazzjonalista sa ma ġie approvat fil-Parlament.