Internazzjonali

Il-Korea: Iħejju għas-summit fost it-tensjoni bejn Pyongyang u l-Istati Uniti

Il-Korea t’Isfel qed tħejji biex, fil-5 ta’ Settembru, tibgħat rappreżentanti speċjali lejn Pyongyang, il-kapitali tal-Korea ta’ Fuq, fejn se jiddiskutu ż-żmien meta jsir is-summit mistenni bejn il-President Moon Jae-in u l-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un.

Is-summit mistenni jsir ‘il quddiem dan ix-xahar, fost rapporti li r-rappreżentanti speċjali ta’ Seoul, qabel, ‘se jiddiskutu l-paċi, it-tkattir tar-relazzjonijiet inter-Koreani u d-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana’.

Dan wara li l-Korea ta’ Fuq, qabel, kienet aċċettat il-proposta ta’ Seoul biex jibgħat ir-rappreżentanti fil-kapitali komunista għal din is-sessjoni preliminarja.

Il-President Moon għandu jsir l-ewwel Mexxej tal-Korea t’Isfel li jkun żar Pyongyang mill-2007. Iżda s-summit ippjanat bejnu u Kim Jong-un għandu jsir taħt sħaba ġdida ta’ tensjoni bejn Pyongyang u l-Istati Uniti.

It-tensjoni hi dovuta għall-futur tal-programm nukleari tal-Korea ta’ Fuq, u meta l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, il-ġimgħa l-oħra, ħassar żjara li kellu jagħmel is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, fi Pyongyang, Ir-raġuni għal dan il-pass issemmiet bħala ‘nuqqas ta’ progress fil-proċess tad-denuklearizzazzjoni mill-Istat (Korean) komunista’.

Il-media fil-Korea ta’ Fuq, intant, qed tkompli bil-kritika tal-Istati Uniti fejn ilmentat li Washington ‘ma żammx kelmtu’ biex jirranġa r-relazzjonijiet ma’ Pyongyang.

Il-Korea komunista qed tesiġi biex jitnaqqsu s-sanzjonijiet internazzjonali iebsa fil-konfront tagħha, kif ukoll għal konklużjoni formali tal-Gwerra Koreana tal-1950-53 li kienet intemmet b’armistizju u mhux bi trattat ta’ paċi.