Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li l-Gvern tas-Sirja għandu kull dritt li jkeċċi lill-militanti mill-inħawi ta’ Idlib li huma kontrollati mir-ribelli li qed jiġġieldu kontra l-President Sirjan, Bashar al-Assad.
Lavrov żied li għadhom għaddejjin it-taħditiet dwar l-introduzzjoni tar-rotot għall-movimenti umanitarji, meta jeżisti potenzjal ta’ kriżi umana oħra f’dik iz-zona.
Il-provinċja ta’ Idlib u l-madwar huma l-aħħar fortizza tar-ribelli anti-Assad u l-President Sirjan jidher li qed iħejji offensiva kbira oħra – li għandha titmexxa fuq diversi fażijiet – biex jieħu lura l-art.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Lavrov tenna li l-qawwiet tal-Gvern Sirjan huma ġustifikati fl-isforzi ħallu jipproteġu s-sovranità tagħhom. Hu anki ddefenda ‘id-dritt tal-Gvern Sirjan biex jelimina t-theddida tat-terroristi f’artu.’
Sadanittant, irrankat it-tensjoni bejn ir-Russja u l-Punent dwar is-sitwazzjoni f’Idlib. Dan meta l-Ministeru tad-Difiża Russu kkonferma li pajjiżu, minn għada, se jibda eżerċizzju navali ewlieni fil-Mediterran, ftit ‘il hinn mill-kosta tas-Sirja.
Min-naħa tiegħu, Lavrov tenna li għaddejjin il-komunikazzjonijiet ‘attwali’ bejn pajjiżu u l-Istati Uniti dwar is-Sirja.
//= $special ?>

