Lokali

Karozza tal-linja mkissra minn żewġ persuni fis-sakra

Fortunatament ħadd ma weġġa’ meta l-Ħamis filgħaxija żewġ persuni qabdu jwaddbu l-ġebel lejn karozza tal-linja.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-22:00, fi Triq San Ġwann t’Għuxa, f’Bormla, meta żewġ irġiel li s-sorsi tagħna qalu li dehru barranin u fis-sakra, qabdu jattakkaw il-karozza tal-linja meta x-xufier waqaf fuq stejġ biex jgħabbi xi persuni oħra.

L-istess sorsi qalulna li kien hawn li l-aggressuri ppruvaw jitilgħu fuq tal-linja, iżda x-xufier irrifjuta minħabba l-istat tagħhom u li ma kellhomx flus biex iħallsu għall-vjaġġ. Kawża ta’ dan, il-vettura spiċċat bi ħsarat tant li mill-inqas tnejn mill-ħġieġ tal-ġenb tagħha tkissru anke b’periklu għal persuni oħra li kienu fuq ġewwa.

Malli sar ir-rapport, fuq il-post intbagħtu uffiċjali tal-Pulizija li madankollu ma laħqux waslu hekk kif il-barranin ħarbu jiġru mill-post immedjatament malli wettqu dan l-att. Il-Pulizija kkonfermaw li dwar dan il-każ sar rapport iżda ma sarux arresti.

Il-kumpanija Malta Public Transport qed tikkopera mal-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħha, b’Net News jinsab infurmat li qed ikunu analizzati wkoll filmati minn kameras tas-sigurtà tal-karozza tal-linja.